Lokali

Malta involuta fit-traffikar internazzjonali ta’ tonn illegali

Il-Gwardja Ċivili Spanjola skopriet ċirku ta’ traffikar illegali ta’ tonn aħmar, bl-involviment ta’ Malta, kif ukoll Franza, l-Italja u Spanja stess.

L-ewwel investigazzjonijiet kixfu l-involviment ta’ 79 persuna li kienu qed jikkummerċjalizzaw miljuni ta’ kilogrammi ta’ tonn maqbud illegalment fis-sena, għall-valur ta’ 12-il miljun ewro u nofs. Apparti l-illegalità tal-qbid ta tonn, hemm ukoll ir-reat li mhux magħruf l-oriġini tat-tonn traffikat.

Dan apparti nuqqasijiet sanitarji gravi fosthom li t-tonn kien jitħalla fl-ilma għal tul ta’ ħin, bil-konsegwenza li kien jitlef il-kwalità b’rata mgħaġġla, kif ukoll trasportat b’modi li ma jimxux mar-regoli ta’ konservazzjoni u xi kultant saħansitra jilħaq jittowja.

Instab li dawk involuti kienu jżidu t-tonn maqbud illegalment ma’ dak maqbud skont il-liġi. Jidher li l-ħidma ta’ bejgħ ta’ dan it-tonn kienet tiġri prinċiparjament fi Spanja, iżda t-tonn jidher li kien ġej prinċiparjament minn pajjiżi oħra, b’mod speċjali Malta u l-Italja, minn fejn it-tonn kien jgħaddi lejn Franza qabel eventwalment jasal fi Spanja.

Minn Malta, jidher li kull sena mal-miljun u mitejn u ħamsin elf kilogramma ta’ tonn maqbud legalment kien jiġi trasportat bl-ajru b’mod legali, waqt li l-istess dokumentazzjoni ta’ dan it-tonn legali kienet terġa’ tintuża għal madwar id-doppju tal-ammont ta’ tonn maqbud illegalment biex ikun protett dan il-kummerċ illegali.

Fil-ħidma tal-awtoritajiet Spanjoli, bil-kollaborazzjoni wkoll tal-awtoritajiet tal-pajjiżi l-oħra involuti u l-Interpol, ġew sekwestrati wkoll man-nofs miljun ewro fi flus kontanti, ġojjelli, arloġġi u affarijiet oħra ta’ valur kif ukoll 7 vetturi b’valur totali ta’ €600,000 oħra. Dan minbarra volum ta’ dokumenti li jikxef ir-riċiklaġġ li kien qed isir, bl-ammonti ta’ tonn maqbud u l-profitti lleċiti li kien isir minnu.