Lokali

RITRATTI: Ir-raġuni wara l-kollass tal-ħajt f’San Anton għadha mhix magħrufa

Ħafna għadhom qed jitkellmu fuq l-inċident tal-ħajt storiku li krolla fil-Ġonna tal-Palazz tal-President, f’San Anton.

Id-domandi huma bosta. Anke minħabba l-fatt li f’dak il-lejl partikolari, la kien riħ u lanqas maltemp. Allura x’seta’ wassal biex ċeda dan il-ħajt?

Ir-risposta possibbilment tista’ tinstab mill-filmati tas-CCTV li hemm fl-entratura u biswit din iż-żona fejn krolla l-ħajt.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3am fid-daħla li twassal lejn l-entratura prinċipali tal-Palazz – fil-ġenb tal-bitħa, li tintuża wkoll bħala parkeġġ. Il-ħajt iservi wkoll bħala appoġġ għal gallarija-passaġġ li tagħti għal fuq l-istess bitħa.

L-Ufficcju tal-President qed joqghod lura hafna milli jikkummenta fuq dan il-kaz, u qed jirreferuna għand il-Perit li jmexxi d-Direttorat tar-Restawr.

Il-Ġonna ta’ San Anton qed jinżammu magħluqa tul il-ġurnata kollha minħabba l-inkjesta li ġiet appuntata mill-maġistrat Simone Grech sabiex jittieħdu l-prekawżjonijiet neċessarji.

Il-Palazz, li nbena fis-Seklu Sbatax ilu jservi bħala r-residenza uffiċjali tal-President sa mill-1974. Esperti kkonfermawlna li dan il-ħajt partikolari jmur lura mijiet ta’ snin.