Matteo Salvini, id-Deputat Prim Ministru Taljan u Ministru tal-Intern, stqarr li mhux qed jeskludi li jikkontesta l-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Elezzjoni li trid issir is-sena d-dieħla wara dawk tal-Parlament Ewropew.
F’intervista mal-ġurnal Taljan La Repubblica, Salvini qal li kienu ħafna l-kollegi Ewropej li ħajruh jagħmel dan il-pass imma s’issa ma kienx ħa deċiżjoni.
L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew isiru bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju.
Salvini qal dan hekk kif irritorna lura minn żjara fir-Russja. Żjara li fiha tenna li l-Italja kienet se tkompli topponi li jiġġeddu s-sanzjonijiet kontra r-Russja.
Salvini, li hu wkoll il-kap tal-partit La Lega, hu kritiku ħafna tal-Kummissjoni Ewropea partikularment il-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker li kien il-mira ta’ kliem iebes minn Salvini fil-konfront tiegħu.
//= $special ?>

