Giorgian de Arrescaeta skorja l-gowl deċiżiv għal Cruzeiro fil-logħba tat-tieni leg kontra Corinthians, b’din ir-rebħa, 2-1, taċċerta s-sitt trijonf storiku għal Cruzeiro fil Copa do Brasil (Tazza tal-Brażil).
Il-gowl ta’ de Arrascaeta kien strumentali għall-klabb minn Belo Horizonte li kien qed jilgħab barra minn daru u wara li Cruzeiro, il-ġimgħa l-oħra, kienu għelbu lill-istess avversarji (1-0) f’darhom.
B’din ir-rebħa fuq aggregate ta’ 3-1, Cruzeiro rnexxielhom iżommu l-Copa do Brasil għat-tieni sena konsekuttiva u meta huma l-uniku tim b’sitt rebħiet f’din il-kompetizzjoni.
Giorgian de Arrescaeta, li jilgħab bħala midfielder avvanzat, kien lagħab 45 minuta għall-Urugwaj fil-logħba internazzjonali ta’ nhar it-Tlieta kontra l-Ġappun u dritt wara kellu jaqbad titjira lejn Sao Paulo li damet 25 siegħa.
Intant, hu daħal bħala sostitut kontra Corinthians meta l-iskor kien għadu 1-1, bil-gowls jaslu fit-28 minuta minn Robino (Cruzeiro) u minn penalty skurjat minn Jadson fil-bidu tat-tieni taqsima.
Il-kontribuzzjoni deċiżiva tal-plejer Urugwen waslet disa’ minuti mit-tmiem meta kontra-attakk veloċi qabad lid-difiża ta’ Corinthians fuq sieq waħda u de Arrescaeta għamilhom tnejn għal Cruzeiro b’chip minn fuq il-gowlkiper Cassio għal ġor-rokna tax-xibka.
//= $special ?>