Sport Sport Ieħor

TENNIS: Halep tirtira mill-Finali WTA

It-tennisa numru wieħed tad-dinja, Simona Halep, irtirat mill-Finali WTA li se jsiru l-ġimgħa d-dieħla minħabba injury f’dahra li hi sofriet waqt it-taħriġ ta’ qabel it-tournament tal-Wuhan Open tax-xahar li għadda.

Ir-Rumena ta’ 27 sena ikkonfermat li ‘tinsab miġugħa wisq biex tikkompeti’ u li hi ma setgħetx timpenja ruħja għat-taħriġ tul l-aħħar erba’ ġimgħat.

L-Olandiża Kiki Bertens, it-tennista numru għaxra fid-dinja, se tieħu post Halep fil-Finali WTA fejn il-premju ta’ flus hu ekwivalenti għal sitt miljun ewro.

Dawn il-finali, li jibdew nhar il-Ħadd f’Singapore, huma l-aħħar avveniment fl-istaġun tat-tennis u Bertens għandha tieħu sehem fil-kompetizzjoni tas-singles flimkien mal-plejers Angelique Kerber, Naomi Osaka, Petra Kvitova, Caroline Wozniacki, Sloane Stephens, Karolina Pliskova u Elina Svitolina.