Lokali

BEJGĦ TA’ TONN ILLEGALI: Il-Gvern Malti għadu fil-muta

Għadha ma ħarġet ebda reazzjoni minn Kastilja

Wara li lbierah Net News zvela illi l-Gwardja Ċivili Spanjola kixfet ċirku ta’ traffikar illegali ta’ tonn aħmar, bl-involviment ta’ Malta…sa issa, skiet totali mill-Gvern Malti.

L-ewwel investigazzjonijiet kixfu l-involviment ta’ 79 persuna li kienu qed jikkummerċjalizzaw miljuni ta’ kilogrammi ta’ tonn maqbud illegalment fis-sena, għall-valur ta’ 12-il miljun ewro u nofs.

Instab li dawk involuti kienu jżidu t-tonn maqbud illegalment ma’ dak maqbud skont il-liġi. Jidher li l-ħidma ta’ bejgħ ta’ dan it-tonn kienet tiġri prinċiparjament fi Spanja, iżda t-tonn jidher li kien ġej minn pajjiżi oħra, b’mod speċjali Malta u l-Italja, minn fejn it-tonn kien jgħaddi lejn Franza qabel eventwalment jasal fi Spanja.

Minn Malta, jidher li kull sena mal-miljun u mitejn u ħamsin elf kilogramma ta’ tonn maqbud illegalment kien jiġi trasportat bl-ajru.

Dwar dan il-kaz serju, għadha ma ħarġet ebda reazzjoni minn Kastilja.