Is-sewwieq ta’ McLaren u eks-champion tad-dinja tal-Formula 1, Fernando Alonso, qal li Lewis Hamilton, li jinsab qrib li jiddefendi t-titlu li kien rebaħ sena’ ilu, hu ‘wieħed mill-ħames l-akbar champions’ fl-istorja ta’ dan l-isport.
F’każ li jirbaħ il-Grand Prix tal-Ħadd fl-Istati Uniti (u bl-isfidant ta’ Ferrari, Sebastian Vettel, jonqos milli jikseb it-tieni post) Hamilton isir biss it-tielet sewwieq fl-istorja li jkun kiseb ħames titli mondjali.
Intant, Alonso, li snin ilu kellu rivalità kbira ma’ Hamilton, sostna li jekk is-sewwieq Britanniku jilħaq it-tragward, ‘ftit ikunu dawk li jistgħu jgħidu li gu ma ħaqqux post mal-aqwa (sewwieqa) ta’ kull żmien.
Għal Alonso – li kien sieħeb ta’ Hamilton ma’ McLaren meta, fl-2007, huma t-tnejn spiċċaw punt wieħed biss wara ċ-champion eventwali Kimi Raikkonen – Michael Schumacher, Juan Manuel Fangio, Ayrton Senna u Alain Prost huma ‘l-aqwa sewwieqa’ fl-istorja.
Għal Alonso, Lewis Hamilton wera t-talent tiegħu mill-bidunett tal-karriera, bl-Ispanjol itenni li jekk sewwieq mill-ġenerazzjoni tiegħu jirnexxilu jilħaq lill-imsemmija leġġendi, ‘hu għandu jħossu kuntent li dan is-sewwieq ikun Lewis’.
//= $special ?>