Il-President taċ-champions Spanjoli, Barċelona, insista li l-klabb mhux qed jaħseb biex jiffirma mill-ġdid lill-attakkant Brażiljan, Neymar, mingħand Paris St Germain.
Il-kummenti ta’ Jordi Cardoner ħarġu wara rapport fl-istampa li Barċelona ‘kienu qed jippruvaw iħajru’ lil Neymar biex jingħaqad magħhom mill-ġdid wara li hu kien issieħeb maċ-champions Franċiżi matul is-sajf tal-2017.
Neymar rebaħ żewġ kampjonati La Liga u ċ-Champions League tal-2015 fl-erba’ snin li dam ma’ Barċelona u meta kien prolifiku fl-attakk tal-Blaugrana ta’ dak iż-żmien, flimkien ma’ Lionel Messi u Luis Suarez.
Intant, il-President ta’ Barċelona qal li l-bord tal-klabb Katalan qatt ma ddiskuta l-possibbiltà ‘tar-ritorn ta’ Neymar’ fl-Istadium tan-Nou Camp. Dan wara li l-gazzetta Spanjola, Mundo Deportivo, qalet, din il-ġimgħa, li l-plejer innifsu kien informa lil Barċelona ‘li jixtieq imur lura minħabba li spiċċa diżilluż bil-ħajja f’Pariġi’.
Neymar hu plejer importanti għal Paris St Germain li fl-istaġun li għadda rebħu t-treble domestiku. Iżda l-ewwel staġun tal-Brażiljan fi Franza kien imtappan bil-battibekki bejnu u l-attakkant, Edinson Cavani, dwar min kellu jagħti l-penalties għat-tim.
//= $special ?>