Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi ressaq mozzjoni wara li ħassu aggravat minn ruling li ngħata mill-Ispeaker Anġlu Farrugia. Dan wara li fis-17 ta’ Ottubru li għadda, l-Ispeaker ta ruling li fih iddeċieda li tweet ta’ Jason Azzopardi kien fih kliem li kien imur kontra l-Ordni Permanenti u kien jammonta għal ksur ta’ privileġġ.
Fil-mozzjoni, Jason Azzopardi qal li dan ir-ruling tal-Ispeaker fih implikazzjonijiet serji fuq l-imminar tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-espressjoni politika minn Membri Parlamentari fuq suġġetti ta’ interess nazzjonali.
Dan meta huwa d-dmir ta’ kull Membru Parlamentari, b’mod speċjali tal-Oppożizzjoni, li jżomm lill-Gvern taħt skrutinju. Għalhekk ma jistax jinftiehem kif l-Ispeaker jiċċensura dak li jinkiteb jew jintqal minn deputati barra mill-Kamra, u dan meta hawn liġijiet li joffru rimedju lil min iħossu malafamat.
Il-mozzjoni tgħid li l-Ispeaker interpreta ħażin l-Ordni Permanenti għaliex tweet fuq il-mezzi soċjali ma taqax f’din il-kategorija. Dan meta fit-tweet tiegħu tal-10 ta’ Ottubru, Jason Azzopardi rrepeta dak li ġie rrappurtat fil-pubbliku fuq rappurtaġġ fil-midja dwar il-Ministru Chris Cardona, li huma relatati mal-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-mozzjoni titlob li r-ruling tal-Ispeaker għandu jiġi rivedut u jsir rapport fuqu mill-Kamra u li dak ir-rapport jitniżżel fil-minuti tal-proċeduri tal-Kamra.
//= $special ?>