Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, stiednet lill-Gvern biex iniedi Studju Nazzjonali dwar il-Propjetà. Il-Kummissjoni għamlet dan l-appell f’ittra mibgħuta lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, fejn talbet li din il-proposta tiġi kkunsidrata fil-Baġit għas-sena d-dieħla, li se jkun ippreżentat it-Tnejn li ġej.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li tqis li l-ħtieġa għal dan l-istudju hi urġenti, hekk kif is-sitwazzjoni tal-propjetà saret aktar serja mill-aspett soċjo-ambjentali. Dan minħabba li fost l-oħrajn it-torrijiet f’inħawi residenzjali qed ikomplu jogħlew u jħallu impatt negattiv fuq il-komunitajiet.
Barra minhekk, il-bini ‘l barra miż-żoni tal-iżvilupp qed jikber b’mod allarmanti, filwaqt li ż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà qed ixxekkel lill-koppji żgħażagħ milli jixtru djarhom u t-tkabbir ekonomiku sostanzjali u ta’ malajr qed iġib miegħu problemi kbar fis-suq tal-propjetà u t-tessut soċjo-ambjentali.
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ħeġġet mill-ġdid lill-Gvern biex ma jħallix l-iżvilupp mgħaġġel u mhux sostenibbli jiddetta l-politika ekonomika ta’ Malta. Minflok, għandu jara li l-ekonomija tikber b’mod responsabbli, b’tali mod li s-suq tal-propjetà jitgawda minn kulħadd.
//= $special ?>