Fis-sigħat li għaddew, Ħaddiema tal-Gvern reġgħu neħħew il-fjuri u x-xemgħat, filwaqt li kinsu dak kollu li kien hemm quddiem il-Mafkar fil-Belt iddedikat għall-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Ħaddiema, fuq ordni tas-superjuri tagħhom, neħħew ukoll il-banner kbir li tpoġġa aktar kmieni din il-ġimgħa, f’għeluq is-sena minn dan il-qtil barbaru. B’kollox din tiġi t-22 darba li l-affarijiet imqegħda b’mod spontanju min-nies tneħħew fuq ordni tal-awtoritajiet.
Barra minhekk, ftit jiem qabel l-ewwel anniversarju mill-qtil tal-Ġurnalista, il-Gvern dawwar iż-żona b’banner kbir bl-iskuża ta’ xogħolijiet ta’ manutenzjoni li suppost qed isiru. Dan hekk kif il-Gvern ipprova jagħti x’jifhem li l-affarijiet li qed jitpoġġew qed jagħmlu ħsara lill-Monument tal-Assedju l-Kbir.
U għalkemm issa, l-affarijiet żgur li mhux jagħmlu l-ebda ħsara lill-Monument, l-awtoritajiet xorta ddeċiedew li dawn għandhom jitneħħew u jintramew.
Ħafna qed ixebħu dan l-att, darba wara l-oħra għal 22 darba, mal-attitudni ta’ pajjiżi oħrajn neqsin mid-demokrazija, bħar-Russja, li wkoll ma jippermettux li postijiet pubbliċi jiddawru f’Mafkar spontanju.
Dan ix-xebħ hu aktar viċin meta wieħed iqis li Daphne Caruana Galizia nqatlet brutalment minħabba l-istejjer investigattivi li kienet tiżvela, b’mossa ċara ta’ theddida għal-libertà tal-espressjoni.
//= $special ?>