It-testijiet li saru fuq mussels impurtati mill-Italja lejn Malta wasslu għal riżultati pożittivi ta’ mikrobi u batterji (bacteria) li fost oħrajn jistgħu jwasslu għal mard bħall-kolera, E. coli u s-salmonella.
Fid-dawl ta’ dan, l-RASSF, li hu mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea li jallerta lill-pajjiżi dwar kontaminazzjoni fl-ikel, qed twissi lill-klijenti biex jagħti attenzjoni massima u ma jikkunsmawx mussels ħajjin qabel ikunu sar l-kontrolli kollha meħtieġa.
Fl-Italja, din l-aħbar qed tqajjem allarm hekk kif qed ikun użat l-eżempju ta’ 35 sena ilu, meta f’Napli kienet inħolqot epidemija tal-kolera li wasslet għall-mewt ta’ 24 persuna. Dakinhar, fost l-oħrajn kien hemm il-mussels kontaminati fil-mira tal-ħtija.
Il-kolera timmanifesta ruħha f’numru ta’ problemi intestinali, bħad-diarrhea u remettar, tikkawża għatx, debbolezza u deni minbarra t-telf tal-potassju mill-ġisem. F’każi akuti saħansitra tista’ twassal biex dak li jkun jaqa’ f’koma jew f’każi estremi l-mewt.
Is-salmonella wkoll tikkawża problemi fl-istonku kif ukoll diarrhea, deni, uġigħ u bugħawwieġ fl-istonku, li huma sintomi simili wkoll għall-E. coli u li wkoll, f’każi severi, huma ta’ periklu għall-ħajja tal-bniedem.
S’issa, il-Ministeru tas-Saħħa għadu ma weġibx għal mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon dwar jekk hemmx informazzjoni ta’ liema ditta huma, x’kumpanija kienet timpurtahom jew in-numru tal-lott affettwata.
Mhux magħruf lanqas kemm damu l-awtoritajiet ma rrealizzaw b’din il-kontaminazzjoni, anke għaliex fl-Italja, minn fejn ġejjin dawn il-mussels, it-twissijiet ilhom għall-aħħar ġimgħat minħabba kontaminazzjoni fl-ibħra li jdawru l-pajjiż ġar tagħna.
Tant hu hekk li jiem qabel li l-Ministeru tas-Saħħa ta’ Malta ħareġ twissija Ewropea, l-Italja wkoll kienet għamlet rapport simili dwar kontaminazzjoni fil-mussels ħajjin.
//= $special ?>