L-attakkant ta’ Real Madrid, Karim Benzema, ċaħad bil-qawwi għal rapporti li hu kien involut f’attentat għall-ħtif ta’ persuna f’Pariġi. Dan wara li rapport tal-Mediapart sostna li Benzema, li għandu 30 sena, kellu x’jaqsam ma’ allegat kumplott biex jinħataf ‘raġel li jaf u li għandu jagħtih madwar 50,000 ewro’.
Ir-raġel – l-allegat vittma fil-każ – hu rappurtat li żvela li l-plejer Franċiż u xi persuni oħra kienu pruvaw idaħħluh ġo vann iswed fis-7 ta’ Ottubru li għadda. L-istess raġel hu rappurtat li informa lill-pulizija ‘li kien ra lil Benzema fil-parti ta’ wara tal-vann’ waqt li kienet għaddejja l-allegata azzjoni fil-kapitali Franċiża.
Iżda Benzema, li kien ingħaqad mal-klabb Spanjol u Champions Ewropej, matul is-sajf tal-2009 ċaħad kategorikament għal din l-allegazzjoni li fissirha bħala ‘assurda għall-aħħar’.
L-attakkant ta’ Real hu wkoll urtat li spiċċa mill-ġdid fiċ-ċentru tal-attenzjoni b’konnessjoni ma’ affarijiet ħżiena waqt li appella lill-pubbliku ‘biex iħallih jgħix ħajtu bil-kwiet’.
Min-naħa tagħhom, il-pulizija indikaw li ma jemmnux li l-plejer kien preżenti għall-allegat attentat ta’ ħtif. Madankollu, qed jingħad li l-prosekuturi f’Pariġi fetħu investigazzjoni dwar is-sewwieq tal-vann fiċ-ċentru tal-allegazzjoni.
Karim Benzema – li f’Mejju skorja l-ewwel gowl fir-rebħa ta’ Real Madrid, 3-1, fuq Liverpool fil-finali taċ-Champions League — ilu ma jilgħab mat-tim nazzjonali ta’ Franza mindu kien tħalla barra mil-iskwadra Franċiża li ħadet sehem fil-finali tal-Euro 2016.
//= $special ?>