Ajruplan tar-RyanAir dalgħodu baqa’ ma tarx wara li l-Pilota qal li qam ma jiflaħx. Kawża ta’ dan, it-titjira FR7325, minn Malta għal Milan, ittardjat għal madwar ħames sigħat u mis-7am, mistennija titlaq ftit qabel 12pm.
Persuni li suppost kienu abbord din it-titjira, irrakkuntaw ma’ NETnews.com.mt id-diżappunt tagħhom li kellhom ikunu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ħabta tal-5am biex jagħmlu ‘check-in’, iżda spiċċaw imwaħħlin għax saru jafu li l-Pilota qal li qam ma jiflaħx.
Wieħed mill-passiġġiera esprima d-diżappunt tiegħu għal kif kumpanija kbira bħal RyanAir tista’ qatt tinqabad mingħajr Pilota ieħor ‘stand-by’ f’każ bħal dan. Spjega li meta ċċekja mar-rappreżentanti tal-linja tal-ajru, hu ma ngħatax aktar sodisfazzjon ħlief bil-ħin il-ġdid tat-titjira u għaliex seħħ id-dewmien.
Il-passiġġier ikkwota persuni oħra li wkoll suppost kienu abbord l-istess titjira u li gergru għall-fatt li dan id-dewmien jista’ wkoll isarrfilhom f’telf ta’ dħul finanzjarju. Dan hekk kif iż-żjara tagħhom fil-belt Taljana hi purament għal raġunijiet ta’ xogħol.
//= $special ?>