Lokali

“Sirt persuna aħjar milli kont”

Titwaqqaf il-Fondazzjoni Blue Light

Il-Ħamis ġiet inawgurata ‘The Blue Light Foundation’ imwaqqfa mill-Kuntistabbli Simon Schembri – il-Pulizija li ftit tax-xhur ilu ġie imkaxkar b’karozza f’aggressjoni li saret fuqu fil-limiti ta’ Ħal Luqa.

L-għan ewlieni wara din il-fondazzjoni hu li jinġabru fondi sabiex jibbenifikaw minnhom membri tas-servizzi tal-emerġenza. Il-fondazzjoni ser tkun qed toffri għajnuna morali u psikoloġika lil dawn il-membri li jagħtu servizz lil pajjiżna ta’ kuljum.

F’diskors emozzjonali, Simon Schembri rringrazzja lil familtu, lil dawk li ħadu ħsiebu fil-mumenti difficli, kif ukoll lil bank tad-demm.

Huwa qal illi ħajtu nbiddlet iżda bl-għajnuna ta’ dawk ta’ madwaru huwa m’għadux l-istess Simon, u issa sar persuna aħjar milli kien.

Il-President tal-Fondazzjoni, l-Ispettur Hermann Mula, spjega kif ser ikunu qed joffru għajnuna lil dawk kollha li jgħaddu minn xi tiġrib fis-servizz tagħhom. Kompla jenfasizza l-importanza tal-għaqda u rringrazzja lil dawk kollha li jagħmlu parti mill-Pulizija, il-Forzi Armati, il-Protezzjoni Ċivili, Uffiċjali tal-Ħabs u anke Uffiċjali tal-Isptar li sfortunatament jisfaw fir-riskju marbut mas-servizz tagħhom.

Michele Cardinali spjega kif il-fondazzjoni ser tkun waħda indipendenti, awtonoma u bla profitti.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sigurtá Nazzjonali u l-ġlieda kontra l-kriminalitá, Beppe Fenech Adami, irringrazzja lil Schembri tal-kuraġġ li qed juri. Stephen Spiteri, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni ghas-Saħħa, fid-diskors tiegħu sellem lil dawk li jirriskjaw ħajjithom għalina, lejl u nhar.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca minn naha tagħha preżentat għotja lill-fondazzjoni.