Ekonomija Lokali

UFFIĊJALI: Se jogħla l-prezz tal-ħalib u l-prodotti tiegħu

Piż ieħor fuq il-familji wara ż-żieda fil-prezz tal-ħobż, il-pastizzi, kif ukoll il-fuel mill-pompi

Wara li fl-aħħar ġimgħat kien hemm indikazzjonijiet li l-prezz tal-ħalib prodott lokalment se jiżdied, dan is-sit jista’ jikkonferma b’mod uffiċjali din l-aħbar u jiżvela li dan se jseħħ minn Diċembru li ġej.

Din l-aħbar kienet ikkonfermata lilna minn numru ta’ sidien tal-ħwienet lokali, hekk kif fl-aħħar jiem ġew notifikati bil-bidla fil-prezz tal-ħalib mid-distributuri tal-ħalib tal-Benna. Huma ġew avżati li l-prezz tal-ħalib se jiżdied mill-ewwel ta’ Diċembru, biż-żieda li għad mhux magħruf kemm se tkun.

Iżda fl-immedjat, jiġifieri mis-Sibt 20 t’Ottubru, se jiżdied ukoll il-prezz tal-prodotti tal-ħalib lokali, f’xi każijiet anke b’żieda drastika:

  • Yogurt – natural (150g): minn 26 ċenteżmu għal 31 ċenteżmu jiġifieri żieda ta’ 5 ċenteżmi
  • Fruits Yogurts (150g): minn 33 ċenteżmu għal 38 ċenteżmu jiġifieri żieda ta’ 5 ċenteżmi
  • Irkotta – Blue (basket): minn €2.74 għal €3.04 kull kilo jiġifieri żieda ta’ 30 ċenteżmu fuq kull kilo
  • Mozzarella (250g): minn €1.45 għal €1.79 jiġifieri żieda ta’ 34 ċenteżmu
  • Ġbejniet: minn €7.80 għal €9.40 kull kilo jiġifieri żieda ta’ €1.60
  • Ġbejna Friska: minn 70 ċenteżmu għal 75 ċenteżmu jiġifieri żieda ta’ 5 ċenteżmi
  • Butir salted u unsalted (250g): minn €2.10 għal €2.54 iġifieri żieda ta’ 44 ċenteżmu

Dawn il-prezzijiet u ż-żieda tagħhom hi kkalkulata minn prezzijiet li hu rakkomandat li jinbiegħu bihom l-prodotti tal-ħalib fil-ħwienet żgħar u medji, jew inkella kif inhuma magħrufa aħjar bħala l-mini markets.

Il-prezzijiet kif ukoll iż-żidiet, mhux neċessarjament jirriflettu l-prezz kif ikun għand is-supermarkets, hekk kif dawn jingħataw prezzijiet aħjar ladarba jixtru fi kwantitajiet kbar.

Din l-aħbar toħroġ hekk kif it-temperatura qabdet titbaxxa wara s-sħana ta’ matul is-sajf, li skont il-Benna wasslet biex kien hawn nuqqas ta’ ħalib għaliex il-baqar kienu qed jipproduċu inqas. Filfatt, dan is-sit jinsab infurmat li issa l-provvista tal-ħalib irritornat kważi għan-normal, bil-ħwienet li qed jingħataw ħalib skont kemm jitolbu fil-maġġoranza tal-każi.

Il-prezz għoli tal-ħalib huwa piż ieħor fuq il-familji wara ż-żieda fil-prezz tal-ħobż, il-pastizzi, kif ukoll il-fuel mill-pompi. F’ġimgħa fejn anke l-Eurostat ikkonfermat li l-għoli tal-ħajja f’Malta qed ikompli jiżdied, u huwa akbar mill-medja fil-pajjiżi tal-UE.

Dawn iż-żidiet fl-oġġetti essenzjali li jixtru l-familji Maltin qed ifissru daqqa wara l-oħra għall-ħaddiema u l-anzjani, partikolarment dawk li l-aktar għandhom dħul baxx jew iridu jgħaddu bil-pensjoni minima. Meta din il-ġimgħa l-Ministru tal-Finanzi saqsejnih kif se jgħin lill-batuti joħorġu mill-faqar, Edward Scicluna qalilna li l-Gvern qed ikejjel il-faqar skont jekk għandekx telefown jew televixin.