Lokali

Edizzjoni oħra tal-‘Open Day’ tal-Forzi Armati

Mijiet ta’ Maltin u turisti attendew għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Open Day organizzata mill-Forzi Armati ta’ Malta, li għat-tieni sena konsekuttiva nżammet fil-Valletta Waterfront.

L-attività saret fil-wara nofsinhar tas-Sibt, propju fil-ġurnata li fiha jitfakkar Jum l-Armata. Matulha, wieħed seta’ jara diversi kapaċitajiet u tagħmir tal-Forzi Armati bħall-uniformijiet, il-laneċ, ħelikopters u ajruplani, fost l-oħrajn.

Wieħed seta’ jara wkoll kif jaħdem ir-robot tal-Explosives Ordnance Disposal, li jintuża’ biex ikunu diżattivati l-bombi, u l-ħidma abbord il-patrol boats.

Interessanti l-mekkaniżmu, illum ħafna minnu kompjuterizzat, li jintuża’ abbord dawn il-vetturi marittimi … xhieda tal-investimenti li l-Armata gawdiet minnu fl-aħħar għexieren ta’ snin.

L-Open Day tas-Sibt kienet ukoll okkażjoni biex żgħażagħ ta’ aktar minn 18-il sena jitħajjru jingħaqdu fil-Forzi Armati wara li jkunu segwew mill-qrib il-ħidma tal-ħames Reġimenti tal-Armata preżenti fil-Valletta Waterfront, fosthom b’għadd ta’ dimostrazjonijiet.