L-istudenti Għawdxin, li kienu qed jistennew lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana żżid l-għajnuna tal-Gvern għall-ispejjeż li jaffaċċjaw, minflok baqgħu b’xiber imnieħer.
Dan hekk kif il-Ġimgħa filgħodu fl-Università, il-Ministru ma ħabbret ebda żieda fis-sussidju għall-kera għall-istudenti Għawdxin jistudjaw Malta iżda sejħet konferenza tal-aħbarijiet biex tħabbar li l-istess ammont ta’ flus li jirċievu s’issa, minflok jingħata wara tliet xhur jitqassam xahar b’xahar.
Minkejja l-wegħdiet tal-Gvern u d-diversi proposti li sarulu mill-istudenti, ġiet implimentata biss dik li lill-Gvern ma kinitx se tiswieh flus. Dwar dan tkellimna mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u l-Affarijiet Soċjali f’Għawdex, Frederick Azzopardi:
“Din tal-kera hija problema kbira għall-istudenti għaliex qiegħda tiżdidilhom kull sena.”
Għalhekk l-oppożizzjoni tistenna li dan is-sussidju jiżdied sew fil-baġit ta’ nhar it-Tnejn, fid-dawl li l-Gvern intervjena fuq din il-problema biss wara li l-Knisja offriet l-għajnuna:
“Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll l-intervent u l-għajnuna li qiegħda tagħti l-Knisja. Kif nafu, dan l-aħħar il-Knisja pprovdiet 2 postijiet viċin l-Università għall-istudenti Għawdxin u qed tagħtihomlom b’kera baxxa u ssussidjata biex tgħin lill-istudenti. Wieħed jistenna li issa jimxi fuq il-passi li ħadet il-Knisja u anki l-Gvern jagħti l-għajnuna neċessarja lill-istudenti.”
//= $special ?>