“Bħalissa hemm ġungla fis-suq tal-kirjiet u hemm nies li qed jgħixu ħajja prekarji għax ma jafux jekk is-saqaf li hemm fuq rashom hux se jibqa’ hemmhekk”.
Dan kien wieħed mill-kummenti ta’ Andrè Callus mill-Moviment Graffiti waqt konferenza stampa fil-Belt Valleta fejn talab li fil-qafas tal-liġi dwar il-kirjiet ta’ binjiet residenzjali jiddaħħal indiċi tal-valur tal-kera, stabbilit mill-Gvern.
Dan l-indiċi għandu juri x’valur għandhom postijiet differenti skont il-lokalità jew żona li jinsabu fih biex b’hekk jiġi stabbilit il-prezz mistenni għall-kiri u min jikri irid jagħmel dan bi prezz li jkun sa 10% aktar mir-rati stabbilit.
Min-naħa l-oħra, min ikun se jikri biex joqgħod fil-post, ikun jaf xi prezzijiet għandu jistenna u b’hekk ma jkunx hemm esaġerazzjonijiet.
Tul il-konferenza tat il-kummenti tagħha Yana Mintoff Bland fejn qalet li dejjem iktar hemm ħtieġa li jkun hemm ħidma f’dan is-settur, inkluż kontroll fuq il-kirjiet, u l-għoli tal-ħajja.
Semmiet ukoll in-nuqqas ta’ pjan ta’ riġenerazzjoni fil-Kottonera u fl-inħawi tal-Port il-Kbir b’detriment fuq in-nies tal-lokal u l-komunità kollha. Dan waqt li madwar Malta nsibu realtà ta’ nies li joqgħodu fil-karozza jew li jgħixu mal-qraba minħabba l-għoli fil-ħajja.
Joanna Mackray li taħdem ma’ numru ta’ barranin qalet li hemm ħtieġa biex l-affarjiet bażiċi jiġu mħarsa u li ssir integrazzjoni.
Hija sostniet li tiltaqa’ ma’ stejjer ta’ tbatija u tal-waħx b’abbuż mis-sidien tad-djar u deposits mhux irritornati fost oħrajn. Hija qalet li hemm bżonn qafas regolatorju li tassew iħares kemm lis-sidien u kemm lill-inkwilini.
//= $special ?>