Edukazzjoni Lokali Unjoni Ewropea

Iż-żgħażagħ Maltin l-aktar fl-Unjoni Ewropea li ma jkomplux jistudjaw

Il-Junior College (Ritratt: Martin Agius)
Kważi żagħżugħ minn ħamsa bla taħriġ u kwalifiċi

Malta għandha l-aktar ammont ta’ żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea li jtemmu l-istudji akkademiċi kmieni mingħajr it-taħriġ u l-kwalifiċi meħtieġa.

Figuri maħruġa mill-Eurostat fil-Jum Ewropew tal-Istatistika juru kif żagħżugħ minn kull ħames żgħażagħ Maltin bejn it-18 u l-24 sena jtemmu l-istudju u t-taħriġ ħesrem mingħajr kwalifiċi, rata li f’inqas minn sentejn trid titnaqqas bin-nofs biex tilħaq il-miri Ewropej ta’ persuna minn kull 10.

Il-Eurostat wissiet li l-istudenti li jitilqu l-istudju f’età relattivament żgħira jaffaċjaw riskji akbar ta’ faqar, qgħad, esklużjoni soċjali u problemi ta’ saħħa. Dawn ir-riskji l-aktar li jaffaċċjawhom huma l-irġiel bi 22% f’Malta, filwaqt li 15% tan-nisa jinsabu f’dan ir-riskju.

Ir-rata ta’ Malta tikkuntrasta ferm mar-rati ta’ pajjiżi oħra Ewropej, fosthom il-Kroazja b’3.1% u l-medja Ewropea b’10.6%, u juru kif il-Gvern mhux jagħmel biżżejjed biex jindirizza l-problema.

L-istatistika tal-Eurostat uriet ukoll kif il-Maltin huma l-aktar fiċ-ċans li jaffaċċjaw spejjeż mhux mistennija fl-Unjoni Ewropea, b’5 Maltin minn 6, meta l-medja Ewropea turi kif 2 persuni minn kull 3 jinsabu f’dan ir-riskju.