Lokali

L-aħħar tħejjijiet għall-bidu ta’ ‘Future Leaders’

Madwar 60 żagħżugħ u żagħżugħa se jipparteċipaw

Madwar 60 żagħżugħ u żagħżugħa fl-etajiet ta’ bejn l-14 u l-24 sena urew l-interess tagħhom biex fil-futur jagħtu sehemhom fil-politika b’mod professjonali, b’taħriġ u bażi soda fil-formazzjoni grazzi għall-programm Future Leaders tal-Fondazzjoni AŻAD.

Waqt il-programm NET Live, tlieta mill-parteċipanti: Nicole Portelli, Gabriel Micallef u Francine Farrugia; faħħru din l-inizjattiva għall-professjonalità fl-ippjanar u għall-mod kif se jkunu qed jitħarrġu fix-xhur li ġejjin.

Future Leaders se jiftaħ b’seminar ta’ tlett ijiem bejn id-9 u l-11 ta’ Novembru, filwaqt li jibqa’ għaddej sa April. Is-sessjonijiet kollha se jinżammu fiċ-Ċentru AŻAD fil-Belt.

Għas-seminar li se jagħti bidu lill-programm Future Leaders, se tattendi wkoll rappreżentanta mill-Fondazzjoni Konrad Adenauer Stiftung, li hi fondazzjoni politika Ġermaniża li qed tappoġġja lill-AŻAD fil-programm tagħha.

Il-programm ikompli b’sessjonijiet ta’ workshops, b’kull parteċipant se jkollu wkoll l-opportunità li jingħata taħriġ prattiku grazzi għal shadowing ta’ Politiċi u Uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Dan se jsir kemm f’livell ta’ Kunsilli Lokali, Parlament Malti, Parlament Ewropew u anke f’livell ta’ Partit.