Lokali

Sospiża l-ħidma tal-bank Satabank plc

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, ordnat lill-bank Satabank plc biex ma jwettaq l-ebda depożitu ta’ flus relatati mal-kontijiet bankarji tal-klijenti tiegħu. Dan minbarra li l-Bank Ċentrali ssospenda l-parteċipazzjoni tal-bank f’Target2-Malta.

B’din id-deċiżjoni, il-bank ma jistax jaċċetta klijenti ġodda, jeffettwa jew jipproċessa xi ġbid ta’ flus jew trasferimenti minn kontijiet bankarji attwali inkella jwettaq xi trasferiment, bejgħ jew movimenti oħra ta’ assi tal-klijenti tiegħu.

Il-bank irid iżomm u jippreserva kull rekord, informazzjoni jew dokumenti relatati mal-ħidma u l-klijenti tiegħu waqt li Enst & Young inħatru bħala l-‘persuna kompetenti’ biex imexxu l-assi tal-bank.

Is-saga ta’ dan il-bank ilha għaddejja għal xhur, u saħansitra wasslet biex jirriżenja supervisor tal-banek fi ħdan l-MFSA, u l-bank kien ingħata multa wara li nstab li kiser diversi liġijiet relatati mal-immaniġġjar tar-riskju.