Lokali

FILMAT: Chris Marlin – “Skużawni talli nkun tlaqt ħesrem”

Tul il-lejl ta’ bejn nhar is-Sibt u l-Ħadd, Chris Marlin, raġel ta’ 50 sena mill-Istati Uniti, tilef ħajtu f’inċident bil-mutur. L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsillejl mar-roundabout magħrufa bħala tax-Xintill f’Ħal Tarxien.

Minn stħarriġ preliminari magħmul mill-Pulizija tad-Distrett ġie stabbilit li r-raġel, li hu residenti f’Ta’ Xbiex, aktarx tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Kawasaki u ħabat mar-roundabout.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku iżda sfortunatament Marlin ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Marlin kien raġel li jħobb ħafna l-muturi. Ħaġa emozzjonanti immens f’din it-traġedja hija l-fatt illi jumejn qabel il-mewt tiegħu, Marlin tefa’ post fuq Facebook fejn stqarr illi jiddispjaċih li jgiegħel in-nies jinkwetaw kull darba li jirkeb il-mutur. Huwa spjega li n-nies li jħobbuh kull darba li jirkeb il-mutur jinkwetaw illi dik tista’ tkun l-aħħar darba tiegħu. Fil-post żied apoloġija ma jmurx, allaħares qatt, jiġrilu hekk.

Għal Marlin, il-mutur kien il-mezz li bih kien jaħrab il-ħażen li qed jaħkem id-dinja. Marlin jesprimi kemm kien jieħu gost isuq fit-tul u jitpaxxa bix-xenarji sbieħ.

Huwa temm din il-Facebook post billi rringrazzja lil dawk kollha li kienu jitolbu għalih u jappoġġjawh għalkemm ma kinux komdi bil-fatt li jsuq mutur.

 

 

Il-kumpanija Express Trailers li magħha kien impjegat Marlin, tat tislima lil Chris u rringrazzjatu tas-servizz dedikat tiegħu. F’dan il-messaġġ emozzjonali miktub mic-Chairman ta’ Express Trailers, Franco Azzopardi, il-kumpanija uriet solidarjeta’ mal-familja tiegħu wara li ddiskrivietu bħala ambaxxatur tat-triq. Komplew ifaħħru l-kwalitajiet posittivi tiegħu, fosthom id-diliġenza tiegħu. Chris Marlin kien ilu jaħdem mal-kumpanija Express Trailers għal dawn l-aħħar tliet snin.

Bosta urew ix-xokk li laqathom b’dan l-aħbar f’messaġġi fuq Facebook fejn Chris ġie deskritt bħala bniedem li jħobb il-ħajja.

Chris Marlin għandu tifel ta’ 17-il sena.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.