Lokali

Attivitajiet tal-Isport bi preparazzjoni għal Jum il-Fgura

Nhar il-Ħadd illi ġej ser ikun qed jiġi ċċelebrat Jum il-Fgura 2018.

Bi preparazzjoni għal Jum il-Fgura, Kmieni dalgħodu ġew organizzati numru ta’ attivitajiet relatati mal-Isport mill-Kunsill Lokali bl-għajnuna tal-Klabb tal-Futbol tal-Fgura.

F’diskors li ta l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-żgħażagħ, l-Isport u l-ġlieda kontra l-Obeżità, Ryan Callus, hu faħħar il-Klabb tal-Futbol tal-Fgura illi għażel li jpoġġi l-prijoritajiet tiegħu fl-investiment tal-faċilitajiet minflok f’affarijiet oħra bħall-pagi tal-plejers. Fl-2012, il-Klabb investa f’faċilitajiet raġonevoli li llum qed jintwerew l-frott tagħhom.

Il-Klabb tal-Fgura għandu nursery attiva ħafna li qed isarraf f’kambjament fil-mod kif qed jilgħab it-tim tal-kbar hekk kif jinsab fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika tat-tieni diviżjoni.

Callus indirizza wkoll il-punt tal-obeżità fejn faħħar il-ġenituri talli qed jibagħtu lit-tfal tagħhom sabiex jagħmlu eżerċizzju.

Il-Klabb tal-Futbol tal-Fgura ppreżenta €9000 lil Puttinu Cares li nġabru aktar kmieni dan ix-xahar f’maratona ta’ ġbir ta’ flus.

Preżenti għal dawn l-attivitajiet kien hemm il-kunsilliera kollha tal-Fgura.