Ftit qabel indirizza lill-folla numeruża fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fl-Imqabba l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, tkellmu wkoll tliet deputati dwar tliet temi li qegħdin jiddominaw x-xena politika f’Malta: il-problema tal-kiri u l-faqar, l-insult tal-Gvern lir-residenti u l-Kunsilli Lokali, u n-nuqqas ta’ pjan ekonomiku għall-futur ta’ Malta.
Lejliet li l-Gvern mistenni jħabbar il-budget għas-sena ddieħla, il-Kelliem Nazzjonalista għall-Finanzi Mario De Marco stqarr li għada sippost l-Gvern Laburista se jiżvela l-pjan ta’ kif se jtejjeb l-ekonmija tagħna – iżda s’issa l-Gvern għadu ma qal xejn dwar il-pjan għat-tul tiegħu għat-tfal tagħna, l-istudenti, il-penzjonanti, il-familji, in-negozji ż-żgħar, u ħafna setturi oħra. Mario De Marco stqarr li l-Oppożizzjoni ilha tisħaq biex jitfassal pjan fit-tul – dan għaliex anke jekk l-ekonomija llum hi b’saħħitha, ma nistgħux nieħdu l-ekonomija t’għada bħala garanzija.
Id-deputat Mario De Marco qal li kif ilu jsir għal dawn l-aħħar ħames snin, il-Partit Nazzjonalista ressaq is-suġġerimenti tiegħu għall-budget, bid-dokument “Ekonomija għan-nies u min nies”. Spjega li l-Partit Nazzjonalista għażel dan it-titlu biex ifisser li kull wieħed u waħda minnha għandu jkollna parti, u nħaddmu l-ħiliet ta’ kulħadd biex tikber l-ekonomija tagħna. Kien hawn fejn il-Kelliem għall-Finanzi qal li l-ħila tal- Gvern trid tkun li tinvolvi lill-kulħadd. Mario De Marco semma’ kif tul iż-żmien Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem irnexxilhom bil-viżjoni għaqlija tagħhhom jibnu ekonomjia b’saħħitha, u kien hawn fejn irringrazzja u fakkar il-ħidma tal-eks deputat Nazzjonalista Louis Galea. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista qal li l-ekonomija tikber mhux bil-bejgħ tal-passporti, iżda bl-involviment fl-ekonomija tal-Maltin.
Mario De Marco spjega li f’Malta qegħdin naraw kif il-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali bħal ħobż u l-ħalib qegħdin jogħlew, u li dan qed jagħmilha diffiċjli lill-familji sabiex ileħħqu mal-prezzijiet tal-kiri. Żied li meta jasal l-aħħar tax-xahar, hemm min qed ibati finanzjarjament, iżda mhux kulħadd – għaliex hemm min qed idaħħlal l-eluf tal-Ewro f’konsulenzi mill-Gvern lil tal-qalba, u li dawn mhux se jinkwetaw jekk jogħlew l-prezzijiet fis-suq tal-kiri u l-kostruzzjoni. Mario de Marco qal li għal kontra ta’ dawn, jinkwetaw il-penzjonanti u dawk il-persuni li meta se tagħliqilhom il-kera se jispiccaw mingħajr saqaf fuq rashom. “L-Oppożizzjoni ħadmet biex tressaq il-proposti biex ikollna pjan għall-ekonomija ta’ pajjiżna, iżda issa sta għall-Gvern biex jieħu azzjoni”, stqarr Mario De Marco.
Il-Kelliem għall-Finanzi għamel appell lill-partitarji preżenti, hekk f’dawn iż-żminijiet bħala Partit Nazzjonalista rridu niġbdu ħabel wieħed. “F’Malta hawn min hu mxebba bl-atitudni tal-Gvern li ħataf l-istituzzjoniet tagħna – iżda sfortunatament mhux kulħadd fehem li rridu ningħaqdu wara skop u għan wieħed, dik li ningħaqdu wara l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia. Sena ilu, kont għamilt appell li llum se nerġa’ nagħmlu – ejjew niddiskutu, ejjew narugmentaw, pero ejjew nuru li aħna magħqudin u sodi fil-prinċipji tal-Partit tagħna. Ejja nuru l-appoġġ lil dan il-Partit u nkunu spalla ma’ spalla flimkien. Pajjiżna għandu bżonn Partit Nazjzonslta b’saħħtu. Dan hu l-Partit li sawwar l-passat glorjuż ta’ dan il-pajjiż. Aħna Nazzjonalisti għax nemmnu f’dan in-nazzjon, dejjem emmina f’dan l-ambizzjoni ta’ dan il-Partit, fil-valuri, u l-mexxejja kollha tiegħu. Nagħlaq billi ngħid li l-Partit għandu bżonnha, pajjinża għandu bżonnha – Kollha flimkien wara tmexxija waħda”, temm jgħid Mario De Marco.
Aħbarijiet relatati:
//= $special ?>FILMAT: “Gvern Nazzjonalista jiggarantixxi li kull Malti u Għawdxi jkollu saqaf fuq rasu”