Lokali

FILMAT: “Bżonn ta’ trakka ideali” – Adrian Delia

Matul il-jum tal-Ħadd, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żar Smart City fejn saret wirja tal-Land Rovers.

Adrian Delia ltaqa’ ma’ diversi membri fi ħdan il-club ‘Land Rovers Owners Club Malta’ fejn espremew ix-xewqa li f’Malta jkun hawn trakka ideal għal dawn it-tip ta’ karozzi fejn ikunu jistgħu jipprattikaw dan l-isport.

Tul id-diskussjoni tqajmu diversi diffikultajiet li sewwieqa ta’ dawn il-karozzi jesperjenzaw, fosthom l-istigma li hawn li dawn il-karozzi kapaċi jagħmlu xi tip ta’ ħsara fit-toroq Maltin.

Adrian Delia ltaqa’ ma’ diversi membri li kien hemm preżenti, bid-dilettanti esprimew b’passjoni sħiħa dak li jħossu li jixtiequ li jitjieb biex dan id-delizzju jkun fl-aqwa tiegħu f’pajjiżna.

Wieħed mid-dilettanti qal li diversi Maltin jkollhom imorru barra minn Malta biex jipprattikaw dan id-delizzju fl-aħjar ambjent għalihom, kemm minħabba s-sigurtà u minħabba l-fatt li Malta m’hawnx trakka apposta għal dan l-isport.

It-trakka li kienu fiha matul dan il-jum ingħatat għalihom għal din l-attività biss. Huma espremew ix-xewqa li jkollhom post stabbli għalihom fejn ikunu jistgħu jirranġaw l-art skont il-bżonnijiet tagħhom.

Il-qligħ li sar minn din l-attività mar għall-Little Sisters of the Poor. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Clyde Pule, il-kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-isport, Ryan Callus, u s-segretarju ta’ TimSport Partit Nazzjonalist, Andre Muscat.

Ritratti: Martin Aguis