Lokali

FILMAT: “Gvern Nazzjonalista jiggarantixxi li kull Malti u Għawdxi jkollu saqaf fuq rasu”

Adrian Delia jitkellem dwar l-aħħar avvenimenti politiċi - dwar il-problema tal-faqar, l-edukazzjoni, l-ambjent, u l-insensittività tal-Gvern

“Gvern Nazzjonalista se jiggarantixxi l-ħarsien tad-demokrazija u tal-libertà tal-espressjoni, id-dritt għal għejxien diċenti, u li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu”, kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia quddiem il-folla numeruża li attendiet l-attività politika fl-Imqabba.

Gvern li ma jarax urġenza fl-investigazzjoni tal-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Adrian Delia stqarr li din il-ġimgħa kienet waħda pjuttost mimlija, u li meta tiġi biex ttirefletti fuqha tifhem minn xiex għaddej il-pajjiż. Fost l-ewwel punti li tkellem fuqhom, Adrian Delia fakkar kif il-ġimgħa li għaddiet ikkommemoranjna s-sena mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni ressaq mozzjoni biex il-Gvern jagħmel inkjesta indipendenti biex ikun magħruf jekk sarx dak kollu possibbli bl-informazzjoni li kien hemm, sabiex dan l-assasinju ma kienx iseħħ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li hu talab ukoll li din il-mozzjoni tiġi diskussa f’ġurnata partikolari meta ma jiltaqgħax normalment il-Parlament, iżda minn naħa l-oħra l-Gvern iddeċieda li m’hemm l-ebda urġenza għal dan. “Din hi xi ħaġa li mhux biss qed tinkwieta lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda attitudni mill-Gvern li qed tħalli riperkussjonijet kbar fuq isem Malta”. Adrian Delia semma’ kif f’dawn l-aħħar ġranet il-Qorti Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, tikkonferma li ġew miksura d-drittjiet tal-familja Caruana Galizia meta l-indaġini li qegħda ssir mill-Pulizija kienet qed issir mid-Deputat Kummissarju Silvio Valletta li hu r-raġel tal-Minsitru Laburista Justyne Caruana – affarijiet li f’pajjiż demokratiku qatt ma jseħħu, stqarr Adrian Delia. “Dan mhux qiegħed ngħidu jien, iżda l-Qorti Kostituzzjonali, u li din ordnat biex d-Deputatu Kummissarju jitneħħa mill-investigazzjoni li għaddejja. Imbagħad jiġi l-Ministru Owen Bonnici li minflok jifhem din id-deċiżjoni tal-Qorti, joħroġ jiftaħar li f’Malta għandna ċertifikat tas-saltna tad-dritt. Mela jekk għandek il-Qorti li tikkundanna lill-Gvern u l-Kummisarju tal-Pulizija bl-azzjonijeit tagħhom, kif il-Ministru responsabbli u l-Kummissarju jibqgħu hemm?”.

Adrian Delia fakkar f’dak li qal l-Avukat Ġenerali, li l-Minstru tal-Ġustizzja Owen Bonnici huwa l-avukat tal-Prim Ministru wkoll – ħaġa li f’pajjiż normali din ma sseħħx. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hemm kawża li fetaħ hu, biex ikollu f’idejh ir-rapport sħiħ u hu stess ikun jista’ jitkellem dwar ir-rapport tal-Egrant li sar mill-Maġistrat Aaron Bugeja, u kien hawn li spjega għalfejn għandu jkollu r-rapport. “Mela l-Avukat Ġenerali bagħat ir-rapport tal-Maġistrat lill-Prim Ministru Joseph Muscat wara talba minn avukati li jippratikaw fil-privat. Wara, il-Ministru tal-Ġustizzja ċempel lill-Avukat Ġenerali u anke lilu bagħtulu – u wara sirna nafu li bagħtulu għax l-Ministru hu l-avukat ukoll tal-Prim Ministru ukoll”, u kien hawnhekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa għalfejn hu m’għandux ikollu kopja. Jista’ jkun li għax il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux se jqiegħed ir-rapport fil-kexxun, iżda se jitkellem fuqu? Dan juri kif għandna Avukat Ġenerali li jrid isikket l-leħen tal-Oppożizzjoni”.

Bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni hemm żbilanċ politiku

Aktar tard, Adrian Delia tkellem fuq l-żbilanċ politiku eżistenti, u li ġie evidenti fil-Parlament fejn il-Prim Ministru attakka bl-aktar mod viljakk lill-membru tal-Oppożizzjoni b’informazzjoni li hu ta x’jifhem li għandu, iżda l-Oppożizzjoni m’għandhiex. “Għandna Prim Ministru li jgħajjar lid-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil, iżda dan mhux se nħalluh jiġri. Ma tistax tattakka wieħed minha, għax issib lilna kollha flimkien warajh – ikun min ikun id-deputat tagħna – u magħna ssib lin-nies li għandhom dritt għall-informazzjoni. Appella li l-Gvern jaf x’għandu jagħmel, li minkejja l-miljuni li nefaq u l-barranin li ġab, ma nistgħux inwarrbu dan il-każ u ninsewh. Il-Gvern jaf li jrid isib min hu l-mandanti wara dan il-qtil u r-responsabilta’ hi biss fuq il-Prim Ministru.

Il-PN lest jaħdem biex jikseb lura r-reputazzjoni ta’ Malta

Adrian Delia tkellem ukoll dwar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, fejn għada l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna se jħabbar il-budget għas-sena ddieħla. Semma’ kif il-Ministru Edward Scicluna hu skantat kif kull fejn imur barra minn Malta, l-barranin jitkażaw u jkellmuna dwar il-korruzzjoni. Kien hawn fejn Adrian Delia semma’ nies fis-settur finanzjarju li tkellmu mal-Oppożizzjoni, u appellaw biex il-Partit Nazzjonalista jkun t-tarka tar-reputazzjoni ta’ Malta. Adrian Delia qal li din il-ġimgħa attenda għal-laqgħa tal-mexxeja tal-Partit Popolari Ewropew, u qal li ddispjaċih li meta tisma’ isem Malta, din tissemma’ għal raġunijiet ħżiena. “Jien kull darba jkolli nqum u niddefendi l-pajjiżi – biex nikkonviċi l-bqija tal-mexxejja Ewropej li l-maġġoranza tan-nies ma jridux li Malta tibqa’ ttebba’ isimha. Hawn il-maġġoranza tan-nies, li għalkemm forsi għamlu għażliet ekonomiċi fl-aħħar elezzjoni, huma jafu li jekk nibqgħu sejrin b’din ir-rotta, pajjiżna se jsoffri ħafna”. Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-klassifikazzjoni tal-OECD, li għadha kif poġġiet lil Malta fuq il-lista s-sewda minħabba l-bejgħ tal-passaporti. Adrian Delia qal: “Meta int ikollok ekonomija bbażata fuq is-settur finanzjarju trid toqgħod attent li ma tkunx fil-grey list, u mhux fil-black list”. Adrian Delia qal li kif jista’ jkun li wara 25 sena ħdima biex ix-xogħol jiġi waħdu, u llum qegħdin nistaqsu kif jista’ jkun li ġejna hekk. “Irridu nkunu aħna l-Partit Nazzjonalista li niddefendu għal darba oħra lill-pajjiżna, u li mmorru barra minn Malta u ngħidu li aħna se nkunu t-tarka tal-eluf ta’ impjiegi li dan il-Gvern qed jipperikola. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista hi soċjetà li jimpurtaha – u dan għall-kontra tal-Prim Minsitru Joseph Muscat li se jitlaq dalwaqt għax dak li kellu jieħu ħadu. Aħna rridu nilqgħu l-mewġ li ġej għall-pajjiżna l’ quddiem”, tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni. Adrian Delia qal li ma jieħux gost jitkellem dwar dan, imma żied li għandna l-obbligu li niddefendu isem Malta meta għandna Gvern li ma jrid jagħmel xejn dwar dan.

Nindirizzaw il-problema tal-faqar f’pajjiżna

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jmur kull fejn hemm in-nies, partikolarment fejn hemm min qed jgħix fi stat prekarju. Stqarr li dan hu Gvern bla pjan, u li qed ikebbes in-nar li qed jaħraq lill-fqir. “Għandna sitwazzjoni fejn f’appartament ta’ tliet kmamar tas-soddod, qegħdin jgħixu disa’ min-nies. Meta tara hekk, il-Prim Ministru jista’ jdum jgħidilna li l-ekonomija qed tikber – iżda dan ma jfissirx li hemm aktar flus fil-bwiet tan-nies, iżda dan qed iseħħ għax hemm aktar nies. Il-Gvern jaf li hu bla pjan, u l-unika mod li jista’ jkabbar l-ekonomija hu li jġib iktar nies f’Malta. L-ekonomija li qegħda tikber hi grazzi għat-total tan-nies, u mhux minħabba dak li qed jaqilgħu n-nies – u mhux biex in-nies ifaddlu flushom, iżda biex jixtru dak li hu neċessarju”, stqarr Adrian Delia.

Fid-diskors tiegħu fl-Imqabba, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern hu maqtugħ mir-realtà, fejn qed jgħid li kollox sejjer tajjeb, li pajjiżna hu l-aqwa fid-dinja, u li aħna l-għejra ta’ kulħadd. “Iżda min-naħa l-oħra hemm nies li qed jistaqsu jekk humiex huma biss li mhux sejrin tajjeb fil-flus. Il-Gvern xogħolu hu li jagħraf il-ġid ekonomiku tas-setturi differenti, imbagħad jifirxu ma’ min hu dgħajjef, iżda dan il-Gvern qed jikrea l-faqar”. Adrian Delia fakkar li f’Malta hawn mat-3,200 persuna li applikaw għall-housing soċjali, għaliex m’għandhomx fejn joqgħodu. Żied li hu inkwetanti l-insensittività tal-Gvern li f’messaġġ ċar qal li ma jimpurtahx. F’kuntrast, Adrian Delia wea li l-Partit Nazzjonalista jimpurtah dwar dan u ilu li beda jaħdem. “Il-messaġġ tagħna hu ċar, Gvern Nazzjonalista ma jippermettix li l-ebda Malti u Għawdxi li ma jkollux saqaf fuq rasu. Gvern Nazzjonalista diġà minn issa qed jippjana li jiggarantixxi d-diċenza li mqar kulħadd ikollu fejn jgħix. B’hekk biss niggarantixxu d-drittijiet tal-persuni, u mhux d-drittijiet tar-robots kif ird il-Prim Ministru Joseph Muscat”, stqarr Adrian Delia.

Gvern li ma weriex rispett lejn l-għalliema u l-istudenti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar il-problema tal-edukazzjoni f’Malta, fejn spjega l-parti tal-għalliema. Qal li t-tfal tagħna li huma l-futur, u għalhekk l-għalliema huma l-għassiesa tal-futur tagħna, bil-Gvern li weriex rispett lejn l-għalliema u qas tkellem mal-persuni li qed jedukaw lill-ġenerazzjoni futura Maltija dwar il-futur ta’ pajjiżna. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Gvern Soċjalista qatt ma impurtah mill-edukazzjoni, u kien Gvern Nazzjonalista li bena skola kull sena. “Il-messaġġ tagħna hu ċar, irridu nżidu l-ispiża fl-edukazzjoni, u mhux kif għamel dan il-Gvern li sena wara sena dejjem qed tonqos n-nefqa f’dan is-settur importanti”, qal Adrian Delia. Żied li rridu ninvestu f’setturi ġodda, u nwasslu l-messaġġ li l-għalliema u l-istudenti jridu joħolqu Malta innovattiva tal-ġejjieni.

Gvern li ma jemminx fil-Kunsilli Lokali u n-nuqqas ta’ pjan fl-ambjent

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar il-Kunsilli Lokali u n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern dwar l-iskart. Adrian Delia qal li qatt ma kien hawn Gvern li kkalpesta l-ambjent daqs dan il-Gvern preżenti. Adrian Delia spjega t-tifsira tal-idea ta’kl-Prim Ministru Joseph Muscat li jġib Malta kosmopolitana, fejn tenna li Malta tkun ġungla tas-sement u li minħabba fżhekk ma jkunx fadal spazzji miftuħa. Adrian Delia spjega li hu mhux kontra l-iżvilupp, iżda jemmen fi żvilupp sostenibbli u mhux żvilupp li jkun l-għadu tal-ambjent – anzi jkun mutur tal-ambjent.

 

Waqt l-istess attività, tkellmu wkoll tliet kelliema, ara l-artikli t’hawn taħt:

“Is-settur tal-kiri rrombla minn fuq il-persuni fil-bżonn” – Ivan Bartolo

“Gvern li qiegħed jinsulta lir-residenti u l-Kunsilli Lokali” – Robert Cutajar

“F’dawn iż-żminijiet, ejjew inkunu spalla ma’ spalla magħqudin” – Mario De Marco