Kieku jien kont l-Avukat Ġenerali ma kontx ngħaddi r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Egrant lill-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja.
Sostna dan il-Professur Kevin Aquilina, id-Dekan tal-Fakulta’ tal-liġi f’intervista mal-gazzetta The Malta Independent on Sunday.
Il-Professur Aquilina qal li hemm partijiet tal-inkjesta, fejn il-Maġistrat Aaron Bugeja jkun ta struzzjonijiet biex il-pulizija tinvestiga, tarresta u jekk ikun hemm biżżejjed evidenza, tibda proċeduri kontra persuni partikolari. Il-fatt li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja raw dawn ir-rakkomondazzjonijiet, jistgħu jippreġudikaw din l-investigazzjoni, kompla l-Professur Aquilina.
Hu qal li għalkemm il-Prim Ministru kellu interess personali, id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi hu tal-fehma li dan ir-rapport ma kellu jingħata lil ħadd sabiex tkun żgurata level playing field u ma jkunx hemm żbilanċ.
Dan l-iżbilanċ mill-Avukat Ġenerali wassal biex il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fetaħ kawża Kostituzzjonali sabiex jingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta.
Il-kawża ssostni li l-fatt li l-Prim Ministru ingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta, u l-Avukat Ġenerali qed jirrifjuta li jgħaddi kopja lill-Kap tal-Oppożizzjoni, qed joħloq sitwazzjoni fejn l-istess Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax jaqdi d-dmirijiet tiegħu kif mitluba mill-Kostituzzjoni ta’ Malta.
//= $special ?>