Lokali

“Gvern li qiegħed jinsulta lir-residenti u l-Kunsilli Lokali” – Robert Cutajar

Id-deputat Robert Cutajar tkellem dwar l-ingann tal-Gvern Laburista bil-'proposti' dwar ir-riforma fis-sistema tal-Kunsilli Lokali

Ftit qabel indirizza lill-folla numeruża fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fl-Imqabba l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, tkellmu wkoll tliet deputati dwar tliet temi li qegħdin jiddominaw x-xena politika f’Malta: il-problema tal-kiri u l-faqar, l-insult tal-Gvern lir-residenti u l-Kunsilli Lokali, u n-nuqqas ta’ pjan ekonomiku għall-futur ta’ Malta.

Id-deputat Robert Cutajar beda billi tkellem dwar kif 25 sena ilu, pajjiżna kien se jibda esperiment – dik li nagħtu aktar poteri lir-residenti fil-bliet u l-irħula permezz tal-Kunsilli Lokali. Hu stqarr li xtaq li llum kien se jitkellem b’mod pożittiv dwar ir-riforma tal-Kunsill Lokali, minkejja li din tressqet sitt xhur tard – iżda meta wieħed jiżen l-essenza tal-proposti li ressaq il-Gvern Laburista, wieħed jara kif bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.

Il-Membru Parlamentari Robert Cutajar spjega kif dan id-dokument huwa insult għall-Kunsilli Lokali. Qal li l-fatt li l-Gvern fetaħ il-konsultazzjoni man-nies dwar din ir-riforma fiż-żmien meta se jitressaq il-budget, ma hu xejn ħlief ingann għall-poplu Malti. Waqt id-diskors tiegħu Robert Cutajar kwota lill-Minsitru Owen Bonnici fejn qal li hemm kontradizzjoni sħiħa, fejn fuq naħa fil-messaġġ tiegħu l-Ministru jgħid li dan hu proġett ta’ tisħiħ għas-saħħa tar-residenti, iżda min-naħa l-oħra wieħed jagħraf li l-Partit Nazzjonalista ressaq 80 proposta – mentri f’dan id-dokument hemm biss 40 proposta minn naħa tal-Gvern Laburista. “Filwaqt li l-Gvern qed jgħid li jrid isaħħaħ il-Kunsilli Lokali, naraw kif hu jrid ineħħi b’daqqa ta’ pinna l-Kumitati Amminisitrattivi. Dan huwa teħid ta’ poter ċar, u mhux għoti ta’ poter”, qal Robert Cutajar. Tenna kif dan il-Gvern ma tkellimx jekk is-Sindki għandhomx ikunu ingaġġati abbażi full-time jew le.

Id-deputat spjega kif dan id-dokument tal-Gvern hu insult u ingann għall-intelliġenza tal-poplu Malti – li hemm anke proposti li diġà qegħdin fil-liġi, u għalhekk huma proposti mingħajr sustanza ta’ xejn. Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri lenti differenti, fejn bħala Partit politiku ħa l-inizjattiva u ħoloq setturi fih innifsu biex jiġġedded bħal ‘Future Leaders’ għaż-żgħażagħ biex jifhmu x’inhi l-politikaa. Stqarr li għal kontra ta’ dan naraw sistema tal-Kunsilli Lokali proposta li qed tinsa u twarrab liż-żgħażagħ. Robert Cutajar tkellem ukoll dwar numru ta’ nuqqasijiet li fih dan id-dokument tal-Gvern, fejn inqabżu suġetti bħas-sigurtà, il-finanzjament tal-Kunsilli, u l-istaff amminsitrattiv fil-Kunsilli Lokali stess. Robert Cutajar kwota proposta waħda li l-Gvern Laburista qies bħala waħda importanti – dik dwar it-tibdil fl-isem minn Kunslli Lokalli u għall-Gvernijiet Lokali. Kien hawn fejn Robert Cutajar appella lill-Gvern biex ma jkomplix jinsulta l-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi.

Aħbarijiet relatati:

FILMAT: Segwi d-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia