Internazzjonali

Id-dinja f’xifer tiġrija ġdida għall-armi

Hemm tħassib li d-dinja tinsab f’xifer tiġrija ġdida għall-armi nukleari. Dan hekk kif il-President Amerikan Donald Trump ħabbar li l-Istati Uniti kienet se tkun qed tirtira minn ftehim tal-1987 għall-kontroll tal-armi nukleari.

Trump ħabbar li l-Istati Uniti kienet se tkun qed tirtira mill-Intermediate-Range Nuclear Forces (INF). Dan peress li filwaqt li r-Russja kienet kontinwament qed tinjorah, l-Istati Uniti kienet qed tosservah għad-detriment tagħha.

Saħansitra l-President Barack Obama fl-2014 kien ilmenta li r-Russja kienet qed tikser l-INF u kien hemm pressjoni biex hu jirtira minnu.

L-INF jipprojbixxi missili nukleari sparati mill-art li jistgħu jaslu distanza ta’ bejn 500 u 5,500 kilometru. Ftehim li kien negozjat mill-President Ronald Reagan u dak Sovjetiku Mikhail Gorbachev fl-1987.