Internazzjonali

Iridu l-fatti kollha dwar il-mewt ta’ Khashoggi

Jamal Khashoggi

Diversi pajjiżi qalu li ma kienx biżżejjed li l-Arabja Sawdija tgħid li l-ġurnalista Jamal Khashoggi kien tilef ħajtu fil-konsolat tal-Arabja Sawdija f’Istanbul fit-Turkija imma hemm bżonn li jingħataw id-dettalji kollha ta’ dak li ġara.

Fost dawk li qed jagħmlu pressjoni għal kjarifika ta’ x’ġara hemm l-Unjoni Ewropea li permezz ta’ Federica Mogherini, il-kap tal-politika barranija tal-UE, talbet għal investigazzjoni bir-reqqa u trasparenti f’dak li ġara lil Khashoggi.

Anki l-President Amerikan Donald Trump qal li l-verżjoni li ngħatat s’issa ma kinetx biżżejjed u filwaqt li ma eskludiex sanzjonijiet, hu qal li dan ma kienx se jinkludi l-bejgħ ta’ armi għaliex dan kien se jeffettwa aktar l-Istati Uniti mill-Arabja Sawdija.

Min-naħa l-oħra diversi pajjiżi Għarab faħħru l-mod kif mexa r-Re Salman tal-Arabja Sawdija fil-każ.

Khashoggi kien qed jgħix fl-eżilju fl-Istati Uniti wara li kellu jitbiegħed minn pajjiżu minħabba kritika għat-tmexxija tal-pajjiż. Hu kien jikteb għall-Washington Post u għeb fil-bidu tax-xahar wara li mar fil-konsolat jiġbor xi dokumenti li kellu bżonn biex jiżżewweġ.

Skont l-awtoritajiet f’ Riyadh, Khashoggi miet wara li nqala’ argument jaħraq ma’ xi nies li iltaqa’ magħhom fil-konsolat tant li bdew jagħtu bil-ponn. Intqal li bħala konsegwenza ta’ dan il-każ kien hemm 18-il persuna li kienu arrestati fosthom uffiċjali għolja fil-forzi tas-sigurtà. Intqal li Saud al-Qahtani, konsulent għall-familja rjali, u Ahmad al-Assiri, id-deputat kap tas-servizzi sigrieti, u qrib ħafna tal-Prinċep ereditarju Mohammed bin Salman, tkeċċew.