Lokali

“Is-settur tal-kiri rrombla minn fuq il-persuni fil-bżonn” – Ivan Bartolo

Id-deputat Ivan Bartolo indirizza l-problema tal-kiri u l-faqar 'pajjiżna

Ftit qabel indirizza lill-folla numeruża fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fl-Imqabba l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, tkellmu wkoll tliet deputati dwar tliet temi li qegħdin jiddominaw x-xena politika f’Malta: il-problema tal-kiri u l-faqar, l-insult tal-Gvern lir-residenti u l-Kunsilli Lokali, u n-nuqqas ta’ pjan ekonomiku għall-futur ta’ Malta.

L-ewwel Membru Parlamentari li indirizza l-attività politika kien Ivan Bartolo, li tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-kirjiet f’pajjiżna, partikolarment dwar il-white paper il-ġdida li ressaq il-Gvern. Hu stqarr li bħala Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista kien ilu żmien jisħaqq u jitkellem għall-familji li mhumiex qegħdin ileħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja minħabba l-kera għolja li qegħdin iħallsu. Ivan Bartolo qal li issa wasal iż-żmien li wara ħames snin li fihom Gvern Laburista ma għamel xejn dwar l-akkomodazjoni soċjali, issa l-Gvern għamel din il-white paper biex jirranġa settur li hu stess abbanduna. Qal li din il-white paper tat raġun lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, għaliex uriet kif bnejna ekonomija fuq il-kwantità u mhux il-kwalità.

Ivan Bartolo spjega kif in-nies ma jridux white paper, iżda jridu miżuri effettivi – u kien hawnhekk fejn spjega s-sitwazzjoni drastika li jinsabu fiha diversi persuni li qegħdin jorqdu f’kundizzjonijiet makabri. Ivan Bartolo qal li l-Gvern ħalla lis-settur tal-kiri jirrombla minn fuq il-persuni fil-bżonn, hekk kif il-Gvern m’għandux pjan fit-tul. Żied li l-istatistika turi kif in-numri kbar li l-Gvern qed iġib ta’ barranin f’pajjiżna qed ikompli jkisser is-suq tal-kera. Id-deputat Nazzjonalista qal li hu jibqa’ jisħaqq sabiex il-kiri jsir proporzjonat mad-dħul tal-persuna, filwaqt li tiżdied l-għajnuna tal-Gvern fl-akkkomodazzjoni soċjali. Temm jgħid li l-Gvern hu fid-dmir li jara li ċ-ċittadini ma jinħaqrux, u appella biex dan il-Gvern jieqaf iġib skużi – għaliex l-Oppożizzjoni ilha tisħaqq li hemm bżonn ta’ azzjoni llum qabel għada.

Aħbarijiet relatati:

FILMAT: Segwi d-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia