Minkejja li t-tema għall-Partit Laburista hija ‘Malta t’għada’, Joseph Muscat ma jgħid xejn dwar l-iktar affarijiet importanti u li qed jolqtu b’mod ħażin lil pajjiżna – problemi li jidhru li se jkomplu jippersistu, b’dawk konċernati mhu qed jagħmlu xejn biex jagħtu l-aħjar lill-Maltin u l-Għawdxin.
Waqt id-diskors tiegħu fil-Każin tal-Partit Laburista fil-Ħamrun, Muscat ma tax garanzija li mhux se jkun qed jgħolli t-taxxi tal-poplu Malti. Dan filwaqt li qal ukoll li l-poplu ried li jorħsu l-kontijiet meta vvota lill-Partit Laburista.
Muscat kompla jgħid li jrid l-ekonomija ta’ pajjiżna tikber iżda ma qalx x’se jkunu l-piżijiet fuq il-ħajja tal-familji Maltin. Semma wkoll is-surplus li l-Partit Laburista kontinwament jiftaħar bih iżda ma qiesx l-għoli tal-ħajja li qed ikun ta’ piż fuq il-Maltin u l-Għawdxin.
Hu qal li se jkun qed jiffoka l-budget fuq il-middle class b’ebda referenza għal dawk li qed ibatu. Minkejja dan, Muscat qatt ma jsemmi l-problema tal-għoli tal-ħajja għal dawk il-familji li sfortunatament mhumiex qed ilaħħqu mal-affarijiet bażiċi ta’ kuljum.
Meta Muscat għamel referenza għall-white paper dwar il-kera li ma ħasbitx f’min mhux ilaħħaq mal-kera, hu ffoka l-iktar dwar dawk li huma sidien ta’ darhom u ma jgħidx kif se jkun qed jgħin lil dawk li ta’ kuljum jaraw kif se jlaħħqu mal-iktar affarijiet bażiċi.
Min-naħa l-oħra, minkejja li l-problema ta’ nuqqas ta’ prodotti tal-ħalib ilha x-xhur u kontinwament qed tippersisti, Joseph Muscat fl-ebda mument tad-diskors tiegħu ma semma x’se jsir biex il-poplu Malti u Għawdxi jingħataw l-aħjar f’dan il-qasam.
B’hekk, il-Maltin u l-Għawdxin għadhom fid-dlam u mingħajr soluzzjoni ta’ x’se jiġri rigward din il-problema.
Intant fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li Joseph Muscat qiegħed jiftaħar li sirna l-aqwa fid-dinja, ir-realtà li qed jaffaċċjaw in-nies hi li hawn aktar minn 3,000 persuna li għadhom qed jistennew housing soċjali sabiex ikollhom saqaf fuq rashom u post fejn jgħixu.
Hawn mijiet ta’ familji li qed ikollhom jgħixu fil-garaxxijiet u aktar minn 72,000 persuna li jinsabu fir-riskju tal-faqar. Dan meta qabel l-elezzjoni tal-2013, Joseph Muscat kien wiegħed li se jeradika l-faqar minn pajjiżna u meta jinsab fit-tieni leġislatura għadu ma bediex proġett wieħed ta’ housing soċjali.
Joseph Muscat mhux qed jindirizza l-problemi li ħoloq hu stess bil-politika tiegħu li jrid ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni. Dan in-nuqqas ta’ pjan qed iwassal biex jintlaqtu fin-negattiv bosta setturi fosthom il-propjetà, il-kirjiet, l-infrastuttura, it-trasport u l-ambjent. L-istqarrija ttemm tgħid li minflok, Gvern Nazzjonalista se jkun qed jiggarantixxi li kulħadd f’Malta jkollu saqaf fuq rasu u għajxien diċenti.
//= $special ?>