Kurżitajiet Lokali

Kurt Fenech sospiż mill-kompetizzjonijiet ta’ Fifa

"Dan kien attentat fuq il-liberta’ tal-espressjoni"

Kurt Fenech, żagħżugħ li huwa ‘gamer’ professjonali tal-logħba Fifa, mhux se jkompli jikkompeti fil-kompetizzjonijiet ta’ Fifa wara battibekk ma’ EA, il-kumpanija li tagħmel il-logħob Fifa.

Wara li ppubblika vidjo fejn qabad jgħajjar lil EA u jikkritika l-verżjoni l-ġdida ta’ Fifa (Fifa 19), il-kumpanija EA ikkuntattjat lil Fenech biex ineħħi dan il-vidjo għaliex ġie ppubblikat fl-istess żmien li sar attakk f’kompetizzjoni fi Florida.

Kurt stqarr illi dan kien attentat fuq il-liberta’ tal-espressjoni tiegħu u li ma kien hemm l-ebda rabta bejn il-vidjo tiegħu u l-attakk li seħħ fi Florida.

Fenech qal illi li kieku hu jagħti apoloġija, hu jitħalla jkompli jikkompeti u li huwa sospiż għal xahrejn biss. Pero’, Fenech stqarr illi ħa d-deċiżjoni li mhux ser jagħti apoloġija u minflok ser ikun qed itemm il-karriera tiegħu fl-eSports.

F’vidjo, hu jgħid illi l-gaming ilu parti essenzjali f’ħajtu għall-aħħar għaxar snin. Qal li mhux se tkun faċli għalih minħabba dan il-fatt. Żied jgħid illi hu qatt ma kiser regoli fil-karriera tiegħu il gaming.

Hu stqarr illi l-gaming għalih huwa mezz biex jieħu gost u għall-biċċa l-kbira tan-nies huwa mezz għall-flus.

Fi tweet Kurt faħħar l-appoġġ li rċieva min-nies li jsegwuh. Il-hashtag #freekurt spiċċat ‘trending’ fuq Twitter.

Kurt Fenech huwa magħruf bħala ‘kurt 0411’ fis-sfera diġitali u jiġi msejjaħ ukoll bħala Zlatan Ibrahimovic ta’ Fifa. Dan għaliex huwa għandu kunfidenza sħiħa fih innifsu u jħobb jgħaddi kummenti simili għal dan il-plejer professjonali.