Ftehim iffirmat bejn il-Kunsill Belti u Alf Mizzi Foundation ifisser li l-lokalità se jkollha Community Worker li se jieħu ħsieb l-għaqdiet u x-xogħol tal-komunitajiet fil-lokal. F’konferenza tal-aħbarijiet Alexei Dingli, is-Sindku tal-Belt spjegalna aktar dwar din il-funzjoni. Huwa qal li permezz ta’ dan il-ħaddiem, ir-risorzi kollha se jitqassmu bl-aqwa mod possibli, biex kull entità tgawdi dak li hu mistħoqq.
“Il-Kunsill Lokali Belti qed ikompli jindirizza l-problemi tal-Beltin” – Alexei Dingli
Din kienet kisba oħra mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta hekk kif il-Kunsill qed ikompli jġib aktar investiment lejn il-komunità Beltija, fejn minn ftit jiem ilu diġà qed jiġi provdut servizz tat-transport b’xejn lir-residenti. Dingli qal li għalkemm mill-Kunsill qed isir ħafna investiment fil-Beltin, huwa jemmen li fil-politika qatt m’hu biżejjed biex tkompli ttejjeb ħajjet is-soċjetà, u din il-ħidma mhux se tieqaf mill-Kunsill Belti.
Ħadna l-kummenti wkoll ta’ Julian Sammut minn Alf Mizzi Foundation, fejn spjegalna l-għan wara dan kollu. Huwa qal li l-kumpannija bdiet mill-Belt Valletta, u jħossu fid-dmir li jista’ jgħin lill-Kapitali bl-aqwa mod possibli. Sammut qal li sfortunatament il-Belt u l-inħawi għaddejjin minn problemi kbar, kemm dawk soċjali, u kemm ta’ riġenerazzjoni.. u jixtieq li din il-problema tiġi mħarsa.
“X’inhi Belt, jekk il-komunità tkun qed tbati?” – Julian Sammut
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, fejn elenka l-fatt li fid-dokument tal-PN dwar ir-riforma tal-Kunsilli kien hemm 80 proposta. Huwa qal li sfortunatament ir-riforma preżentata mill-Gvern ma tantx qed tħares l-impenn soċjali.
//= $special ?>