Scott Morrison, il-Prim Ministru Awstraljan, għamel apoloġija mqanqla lill-eluf ta’ vittmi ta’ abbuż sesswali meta kienu tfal mill-istituzzjonijiet fil-pajjiż.
Apoloġija li fiha ammetta li l-Istat kien falla totalment biex iwaqqaf dawn ir-reati koroh.
L-apoloġija ta’ Morrison saret fil-Parlament u fi tmiem investigazzjoni mir-Royal Commission li kienet ilha sejra ħames snin fil-każi ta’ abbuż sesswali tul is-snin fil-pajjiż, dan kemm fi skejjel, knejjes kif ukoll klabbijiet sportivi u istituzzjonijiet oħra. Hu stmat li kien hemm tal-anqas 15,000 vittma konfermat ta’ abbuż sesswali tat-tfal mill-istituzzjonijiet fil-pajjiż.
Morrison qal li l-Awstralja bħala nazzjon kien naqas lil dawn in-nies u din kienet se tibqa’ tebgħa għal dejjem fuq il-pajjiż. Hu skuża ruħu f’isem l-Istat Awstraljan mat-tfal imma anki mal-ġenituri li raw il-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-Istat traduta u ssieltu biex jaraw li ssir ġustizzja kif ukoll talab skuża lill-whistleblowers li ma kinux emmnuti meta kixfu dak li kien qed jiġri.
Barra l-Parlament kien hemm qraba bl-ismijiet tal-vittmi tal-abbuż sesswali li kienu mietu kif ukoll il-vittmi stess.
Skont ir-Royal Commission, seba’ fil-mija tas-saċerdoti Kattoliċi fl-Awstralja kienu akkużati b’abbuż sesswali bejn l-1950 u l-2010 imma r-rapporti rarament kienu investigati u b’diversi każi jaraw it-tfal li marru jirrappurtaw jispiċċaw kastigati.
//= $special ?>

