Dan hu s-seba’ Budget tal-Gvern ta’ Muscat, li qed jipprova jsolvi l-problemi li ħoloq il-Gvern stess.
U għat-tieni sena konsekuttiva, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ftaħar li mhux se jdaħħal taxxi biex matul it-12-il xahar tas-sena naraw lista ma tispiċċa qatt ta’ piżijiet u taxxi indiretti.
Fost l-oħrajn, kien hemm it-Taxxa fuq l-Iskart li daħħal din is-sena l-Ministru Herrera. Piżijiet oħrajn huma ż-żieda fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, kif ukoll it-taħwid fil-kontijiet mill-ARMS, li qed iwassal għal ħlas ogħla għad-dawl u l-ilma.
U minkejja s-surplus li jiftaħar bih il-Gvern ta’ Muscat, għal sena oħra kellna waħda mill-iżgħar żidiet għall-għoli tal-Ħajja: €2.33 għall-2019 jew ftit aktar mill-€1.75 li ngħatat fl-2018.
Fil-prattika, dan ifisser li sa għada filgħodu wieħed jkun diġà nefaq din iż-żieda fil-prezzijiet tal-affarijiet meħtieġa, bħall-prezzijiet tal-ħobż, tal-gass, tal-petrol, tad-diesel, tal-pastizzi, tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib bħall-butir, il-yogurt u l-ġbejniet, fost l-oħrajn.
Fatt ieħor li ħareġ mill-Budget tal-2019 hu li d-dejn tal-Gvern se jiżdied minn €5,624 miljun għal €5,660 miljun – jiġifieri żieda ta’ €36 miljun dejn fil-Kaxxa ta’ Malta.
Min-naħa l-oħra, il-Gvern alloka żieda ta’ €112 miljun f’pagi taċ-Ċivil – jiġifieri żieda ta’ 12% fuq is-sena li għaddiet fl-ispiża totali tal-pagi ta’ dawk li jaħdmu mal-Gvern.
//= $special ?>