Għal dak li għandu x’jaqsam mat-Trasport, it-Traffiku u l-Ambjent, il-Budget 2019 jidher li mhu qed joffri xejn ġdid minn dak ta’ qablu.
Dwar it-Trasport Pubbliku, il-Ministru tal-Finanzi semma’ l-għoti tal-Linja Card b’xejn lill-Istudenti, li kienet introdotta s-sena li għaddiet. Il-miżura għal din is-sena hi li Studenti li għandhom 20 sena jibqgħu eliġibbli għal tal-Linja Card bla ħlas, jekk ikunu għadhom Studenti full-time.
Min-naħa l-oħra, il-Gvern mistenni jiddiskuti mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u mal-Aġenzija Sapport dwar il-possibbiltà li persuni b’diżabbiltà jkollhom il-card bla ħlas.
Taħt il-kapitlu tat-Trasport Pubbliku, il-Gvern qed jgħid li se jidħol f’diskussjonijiet mal-privat biex iħajjar żviluppaturi joħolqu parkeġġi f’żoni urbani. Il-Ministru semma’ wkoll li se jkun hemm 120 triq għall-programm ta’ bini għall-2019. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn ma tinsab f’Għawdex.
Dwar l-Ambjent, il-Ministru Edward Scicluna ħabbar li se jwaqqaf aġenzija oħra, Ambjent Malta. Mhux ċar jekk din l-Aġenzija hix se taħdem ma’ jew tieħu post il-Wasteserv.
U minkejja li għaddiet aktar minn sena u nofs minn meta nħaraq l-Impjant ta’ Sant’Antnin, il-Budget 2019 jitkellem dwar preparazzjoni għall-bini ta’ faċiltà ġdida, filwaqt li se jkompli ix-xogħol, li għadu fi stadju ta’ disinn għall-Inċineratur.
Dwar il-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb, il-Ministru ħabbar li se jidħlu f’diskussjoni biex jintlaħaq ftehim mal-privat ħalli eventwalment ikun hemm sistema. Il-Gvern qal ukoll li se jiżra’ siġra ġdida għal kull vettura ġdida li tiġi importata.
//= $special ?>