Ekonomija Lokali

BUDGET 2019: Miżuri tas-Saħħa li ilhom imsemmija

Settur ieħor li ġie ppreżentat b’diversi wegħdiet sbieħ, iżda li bosta minnhom mhumiex ġodda għax ilhom imwiegħda għal snin twil, hu dak tas-Saħħa.

Fis-seba’ Budget tiegħu, il-Gvern Laburista qed iwiegħed fost l-oħrajn li s-sena d-dieħla titlesta u tibda tintuża’ l-Iskola Medika ta’ Barts f’Għawdex, li dan il-Gvern stess kien wiegħed li kellha tinfetaħ sentejn ilu.

Proġett ieħor hu Sptar ġdid fil-viċinanzi tal-Isptar Mater Dei, bil-ħsieb li jkun jinkludi Psychiatric Outpatients. Iżda dan mhux proġett ġdid għax dan il-Gvern ilu jwiegħed l-istess ħaġa għal sitt snin u kien ukoll proġett ippjanat minn Gvern Nazzjonalista fl-aħħar Amministrazzjoni tiegħu.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li se jingħata bidu għal bini ta’ xogħol fuq parkeġġ taħt l-art fl-Isptar Mater Dei b’madwar 500 spazju. Dawn huma żewġ wegħdiet oħra riċiklati minn Budgets passati, hekk kif dawn l-istess miżuri kienu tħabbru għall-Budget 2018.

Xejn ġdid ukoll dwar investiment fuq Ċentri tas-Saħħa ġodda f’Malta. Għalkemm issemma’ li f’Għawdex se jinfetaħ Ċentru tas-Saħħa ġdid, fis-seba’ Budget il-Ministru reġa’ semma’ dak ta’ Raħal Ġdid għal Malta, li għadu fi stadju ta’ evalwazzjoni.

Fil-Budget issemma’ ukoll li grazzi għall-Fondi mogħtija mill-Gvern Norveġiż u minn Fondi għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, se jinxtara makkinarju ġdid biex jiġu aġġornati s-servizzi tal-Bank Nazzjonali tad-Demm u tinfetaħ il-possibbiltà ta’ donazzjoni tad-demm għal kulħadd, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tad-donatur.

Dwar mediċini ġodda, il-Gvern ħabbar li se jżid aktar trattamenti innovattivi tal-kanċer, kif ukoll kura ta’ mard infettiv. Ħabbar ukoll pjan strateġiku għas-snin 2020-2030, fosthom biex isir investiment dwar riċerka fuq il-kanċer.

Wiegħed ukoll li tiżdied l-effiċjenza u s-sigurtà fil-preparazzjoni u l-ippakkjar tal-mediċini li jitqassmu lill-persuni fil-komunità, kif ukoll tnedija ta’ Robotic Surgery.

Il-bini tal-Parlament