Ekonomija Lokali

BUDGET 2019: Xejn ġdid għall-Air Malta

Wieħed mill-aktar setturi importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna hu dak tat-Turiżmu, li jorbot miegħu l-linja nazzjonali tal-ajru. Settur li l-Gvern iddedikalu biss tliet paġni mingħajr l-ebda proposta ġdida għall-Air Malta.

Minkejja t-tgergir kollu li kien qed jissemma’ minn kulħadd b’rabta mas-servizzi tal-linja tal-ajru, il-Ministru Edward Scicluna qal li l-kumpanija kompliet għaddejja b’ritmu mgħaġġel u bdiet timraħ f’rotot ġodda.

Minflok ħares lejn il-futur tal-Air Malta, fid-diskors tiegħu, hu ftaħar dwar il-prezzijiet kompetittivi li ġew introdotti fl-aħħar xhur u ż-żieda ta’ aktar rotot ġodda. Dan meta ġew imnaqqsa s-servizzi li kienu jingħataw b’xejn lill-passiġġieri.

Fid-diskors tiegħu dwar is-settur turistiku, il-Ministru Scicluna semma’ li l-akbar prijorità hi l-konnettività bejn Malta u l-Ewropa.

Semma’ wkoll kif is-sena d-dieħla se jitkomplew xogħolijiet ta’ tindif, tisbiħ, manutenzjoni u aċċesibbiltà f’diversi loktalijiet madwar Malta. Se jitkompla l-proġett ta’ riġenerazzjoni f’Marsaxlokk u jibda wieħed f’Birżebbuġa, kif ukoll proġett ta’ immodernizzar tal-faċilitajiet tal-Istudjos u t-Tankijiet fir-Rinella.

U wara dak li ġara u segwa kulħadd fl-aħħar ġimgħat, meta kompliet tgħib il-Bajja tal-Balluta minkejja proġett ta’ riġenerazzjoni, il-Gvern ma qatax qalbu u għandu ppjanat proġetti simili fin-nofsinhar ta’ Malta, fosthom f’Marsaskala u l-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara.