F’reazzjoni inizzjali għall-Budget, l-MUT saħqet li dan jidher li huwa biss kontinwazzjoni tal-ħidma tal-Gvern fil-qasam edukattiv permezz tat-tkomplija ta’ miżuri li qed jieħu l-Gvern – konferma li l-Ministru ma preżenta l-ebda viżjoni ġdida għal dan is-settur.
B’dispjaċir l-MUT terġa’ tara li l-Budget ma jagħmel l-ebda referenza għall-problemi serji li għandna fil-qasam edukattiv, fosthom in-nuqqas ta’ edukaturi. Il-baġit lanqas ma jagħmel l-ebda investiment sabiex żgħażagħ jagħżlu l-professjoni ta’ edukaturi u ma hemm l-ebda referenza għal għajnuna lill-iskejjel li mhumiex tal-istat sabiex jibqgħu joffru l-aħjar servizzi.
Dan il-Budget ma jindirizzax ukoll il-problema serja ta’ nuqqas ta’ sigurtà fl-iskejjel. Dan huwa ta’ diżappunt għall-MUT għaliex jidher li m’hemmx ħsieb sabiex pajjiżna jilqa’ għal inċidenti serji bħal ma kellna fl-iskejjel matul l-aħħar snin.
L-MUT tispera li fl-estimi dettaljati u diskorsi tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ikun hemm aktar tweġibiet għal dawn il-problemi.
//= $special ?>

