Il-budget li għadu kemm tressaq juri li l-Gvern Laburista ma jistax ikompli jaħrab mill-problemi li ħoloq hu stess bil-politika ta’ immigrazzjoni ta’ 15,000 ħaddiem barrani fis-sena. Din il-politika qed ikollha effett fuq il-pagi tal-ħaddiema, il-kirjiet, is-suq tal-propjetà, il-prezzijiet, l-infrastruttura, it-traffiku u l-ambjent, fost ħafna oqsma oħrajn. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, fl-ewwel reazzjoni tiegħu għas-seba’ budget tal-Gvern Laburista li tressaq illejla.
Adrian Delia qal li l-problemi li l-Gvern ilu għal snin sħaħ jiċħad li jeżistu, issa huma ċari: cheap labour, pressjoni fuq il-pagi, kirjiet għoljin, pensjonijiet mhux adegwati, problemi ambjentali, fl-edukazzjoni u fis-saħħa. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-Gvern jaħbi l-politika ekonomika vera tiegħu li hi li jġib eluf kbar ta’ ħaddiema immigranti li qed jagħfsu l-pagi f’Malta għax lesti jaċċettaw pagi baxxi. Dan qed jidher biċ-ċar f’ċifri pubbliċi li juru li sa ftit snin ilu l-pagi kienu jfissru nofs il-ġid nazzjonali jew aktar, iżda dan issa naqas għal 45%. Dan wassal ukoll biex il-faqar finanzjarju żdied b’10,500 fl-aħħar ħames snin.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ż-żidiet li ta l-Gvern ittieklu bl-għoli tal-ħajja qabel ma waslu għand in-nies għax il-Gvern stess qed jippubblika ċifri li juru li l-ikel qed jogħla b’4.4 % fis-sena. Dan ifisser li l-familji qed ikollhom iħallsu aktar għall-ikel u dan l-għoli hu ferm aktar miż-żidiet li ta l-Gvern. U dan hu apparti t-taxxi li l-Gvern qed jagħmel fuq in-nies barra l-budget matul is-sena kollha, fosthom b’għoli fil-prezzijiet tal-petrol, tad-diesel, tal-gass u fil-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li jtellfu lill-konsumaturi mir-rebate.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li problema ewlenija li ħoloq il-Gvern Laburista bil-politika ta’ immigrazzjoni qawwija u li ma jistax jaħrab minnha hi dik tal-housing. Qabel konna nitkellmu kif kulħadd ikun sid ta’ daru; issa qed nitkellmu kif in-nies mhumiex ilaħħqu mqar mal-kirjiet. Il-Gvern m’għamel l-ebda proġett ta’ housing soċjali f’sitt snin u għandu 3,200 fuq il-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni soċjali. Il-problemi li ħoloq il-Gvern fil-housing bil-politika tiegħu taż-żieda fil-popolazzjoni qed toħloq faqar ġdid fejn anke min jaħdem ma jistax jgħix ħajja diċenti f’dar diċenti bi ħlas diċenti.
Adrian Delia qal li dan hu l-ħames budget li qed iwiegħed dar tal-anzjani f’Għawdex li tibqa’ ma ssirx sena wara sena. Hemm ukoll ħafna wegħdi oħrajn ripetuti għax ma twettqux. Il-budget sar eżerċizzju ta’ propoganda u mhuwiex eżempju ta’ pjan fit-tul imma hu serje ta’ miżuri kożmetiċi li jaħbu l-problemi reali. Min illum mhux qed ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja, wara dan il-budget se jibqa’ jbati, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista; min ma jaffordjax iħallas il-kirja tad-dar tiegħu, se jibqa’ ma jiflaħx iħallas dik il-kirja; min irid jixtri propjetà, wara dan il-budget se jibqa’ jsibha għolja għal butu u se jibqa’ jsib il-banek li jirrifjutawh.
Barra minn dan, il-Gvern qed inaqqas l-investiment fi proġetti kapitali waqt li qed iżid il-konsum tiegħu, dak li l-Gvern stess jiekol minn dak li jipproduċi l-pajjiż. In-nefqa kapitali tal-Gvern hi investiment fil-futur, imma l-Gvern qed inaqqas dan l-investiment fil-futur. Adrian Delia qal li l-viżjoni tiegħu hi li l-ġid jinqasam aħjar bejn dawk kollha li qed jikkontribwixxu biex jinħoloq. Dan jista’ jsir b’investiment f’oqsma ekonomiċi ġodda u ta’ kwalità li jħallsu pagi tajbin lill-ħaddiema Maltin għax dawn ikunu ppreparati tajjeb għalihom b’edukazzjoni u taħriġ aqwa.
Konferenza tal-ahbarijiet b'reazzjoni ghall-budget #socjetalijimpurtaha
Konferenza tal-ahbarijiet b'reazzjoni ghall-budget #socjetalijimpurtaha
Gepostet von Partit Nazzjonalista am Montag, 22. Oktober 2018