Il-Ġermanja qed tagħfas biex l-Unjoni Ewropea turi front magħqud quddiem il-każ tal-qtil tal-ġurnalista Sawdita Jamal Khashoggi. Dan billi fost l-oħrajn ikun hemm bojkott tal-bejgħ tal-armi lejn l-Arabja Sawdija.
Il-Ħadd, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel qalet li f’dawn iċ-ċirkustanzi ma setgħetx issir esportazzjoni ta’ armi lejn l-Arabja Sawdija. Kemm il-Ġermanja kif ukoll pajjiżi oħra Ewropej qalu li l-ispjegazzjoni li tat l-Arabja Sawdija rigward il-qtil ta’ Khashoggi fil-konsolat ta’ Istanbul, it-Turkija, kienet batuta ħafna.
L-Arabja Sawdija issa qalet li l-qtil ta’ Khashoggi twettaq f’ħidma mhux-awtorizzata. Adel al-Jubeir, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Sawdita, qal li l-qtil kien żball kbir imma ċaħad li dan kien ordnat mill-Prinċep ereditarju Sawdita, Mohammed bin Salman. Il-kummenti ta’ al-Jubeir kienu l-aktar diretti dar il-każ u l-ogħla uffiċjal Sawdita li tkellem dwaru.
L-awtoritajiet fl-Arabja Sawdija s’issa offrew verżjonijiet differenti dwar x’ġara fit-2 ta’ Ottubru, u kien biss nhar il-Ġimgħa li ammettew li kien mejjet u li miet fil-konsolat. Il-katavru tiegħu s’issa ma nstabx.
L-uffiċjali Torok jemmnu li Khashoggi, kritiku tal-Gvern Sawdita u li jgħix fl-eżilju, inqatel minn aġenti Sawditi ġewwa l-bini u huma qed jgħidu li għandhom il-provi ta’ dan.
Skont ir-rapporti fil-midja internazzjonali, Khashoggi miet fgat wara li rreżista sforz biex jittieħed lura l-Arabaj Sawdija. Il-katavru tiegħu, imbagħad, tpoġġa f’tapit u ngħata lill-kollaboraturi tas-servizzi sigrieti Sawditi f’Istanbul biex jeħilsu minnu.
Imbagħad kien hemm aġent Sawdita li libes l-ilbies li kellu Khashoggi u ħareġ ’il barra mill-bini biex tingħata l-impressjoni li kien għadu ħaj.
//= $special ?>

