Lokali Sport

It-trakka għad-dilettanti tal-motorsport ma tissemmiex fil-Budget għall-2019

Id-dilettanti tal-motorsport jidher li se jibqgħu jistennew biex forsi xi darba tinżamm il-wegħda li saritilhom mill-Partit Laburista li tinbena trakka professjonali fejn ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport tagħhom.

Dan hekk kif, fid-dokument tal-Budget 2019 li hu twil 111-il paġna, ma ssir l-ebda riferenza għal dan il-proġett li issa ilu snin jitwiegħed iżda baqa’ ma daħalx fis-seħħ.

Dwar dan il-proġett filfatt mhux talli ma jissemmiex li se jsir realtà, iżda lanqas jissemma’ li mqar se jibdew il-pjanijiet dwaru, xi forma ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni, sejħiet għall-applikazzjonijiet jew inkella xi tip ta’ riferenza oħra.

Dan bħallikieku din il-wegħda qatt ma saret, u l-Gvern Laburista li issa ilu żmien ma jsemmi din il-wegħda, irid inessiha. Għall-kuntrarju, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ilu għal dan iż-żmien kollu, fi żjara wara l-oħra lid-dilettanti, jappella lill-Gvern biex iwettaq dak li wiegħed.