Lokali

“Nies qed jgħixu f’kamra fuq il-bejt”

Hemm nies li l-liġi tal-kera mhux se tapplika għalihom għax jinsabu fil-faxex l-iktar vulnerabbli

Żvelat każ ieħor ta’ persuni vulnerabbli li qed ikomplu jinżlu ‘l isfel bid-daqqa tal-kera – każ żvelat mid-Direttur il-ġdid tal-Caritas f’intervista li kellu fi tmiem il-ġimgħa.

Hi l-istorja ta’ omm u t-tifel tagħha li qed jgħixu f’kamra żgħira fuq bejt li tiswa €400 fix-xahar f’kera. L-omm tgħid li l-għażla tagħha hi li taħdem l-overtime kuljum fil-fabbrika, bilkemm tersaq lejn id-dar u jkollha €1,000 f’idha fix-xahar jew inkella taħdem inqas, taqla’ inqas flus u ma jkollhiex biżżejjed biex tgħix.

Din hi realta’ mhux biss ta’ din il-mara, imma ta’ diversi single parents li jkollhom irabbu familja weħidhom; kemm nisa kif ukoll irġiel.

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt semma dan il-każ bħala eżempju ta’ persuni meqjusa working poor għax minkejja li jaħdmu, aktar minn terz tal-paga qed tmur għal kera u dan ipoġġi l-persuni f’qagħda kritika li ma jkunux jistgħu jgħixu b’mod adegwat.

F’reazzjoni għall-White paper dwar il-liġi tal-kera, meta tkellem fuq l-RTK, Anthony Gatt qal li jista’ jkun li s-sussidju li hemm bħalissa mhux biżżejjed għal dawn il-persuni, u jissuġġerixxi li s-sussidju għandu jikkumpensa fejn persuna qed tħallas iktar minn terz tal-paga.

Anthony Gatt semma li hemm nies li din il-liġi mhux se tapplika għalihom għax jinsabu fil-faxex l-iktar vulnerabbli u ma jaffordjawx li jikru. Irrefera għat-3,200 persuna rreġistrati li qed japplikaw għall-akkomodazzjoni soċjali.

Iċċara li l-bżonn ta’ kontrolli fuq il-kirjiet jirriżultaw mhux biss mill-fatt li żdiedu l-ħaddiema barranin, iżda għal raġunijiet li jirriflettu għadd ta’ problemi soċjali fis-soċjetà, fosthom familji b’ġenitur wieħed, iż-żieda fis-separazzjonijet u d-divorzju. .