Lokali

Nirien f’appartament f’San Pawl il-Baħar

Għall-ħabta tas-2pm, appartament fi Triq San Publiju f’San Pawl il-Baħar, inħakem min-nirien. Fuq il-post issejħu Pulizija tad-Distrett, kif ukoll il-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw in-nirien. Preżenti wkoll 2 ambulanzi u tobba tal-emerġenza. Nies preżenti fuq il-post qalulna li nxtammet riħa qawwija ta’ ħruq u plastik. Mara b’tarbija li nqabdet f’gallarija kellha tingħata l-assistenza medika.

Persuni mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili evakwaw il-blokka ta’ appartamenti bħala prekawzjoni. Jidher li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.