Knisja Lokali

Qalbu baqgħet tħabbat għal Malta u l-Maltin

Intervista ta' George Maggi li dehret f'In-Nazzjon

L-aħbar sabiħa xi drabi għal għarrieda tal-ħatra ta’ Isqof iġġib magħha ferħ, imħabba u tama.
Dawn jinħassu bla dubju l-aktar fost il-membri tal-familja minħabba li saċerdot mill-familja tagħhom ikun ingħata din il-kariga ta’ prestiġju. Jinħassu wkoll f’kull wieħed u waħda fid-Djoċesi minn fejn ikun ġej l-Isqof. Għal dak li se jinħatar Isqof aktar xogħol u responsabbiltà.

Għal Dun Charles Gauci, qassis amministratur tal-Katidral ta’ San Franġisk Saverju fid-Djoċesi ta’ Adelaide, l-Awstralja, dan inħass mhux biss fl-Awstralja fost niesu u dawk tad-Djoċesi fejn kien iservi, iżda wkoll hawn Malta għax hu iben Malta u minn kummenti li tani qalbu baqgħet tħabbat għal Malta u l-Maltin u ħsiebu baqa’ hawn magħna. F’Malta hu għad għandu bosta familjari tiegħu.

U għaldaqstant hekk ġara f’Ġunju li għadda meta ġriet bħal sajjetta fil-bnazzi l-aħbar li l-Malti Dun Charles Gauci kien se jsir Isqof. L-Ambaxxatur tal-Papa fl-Awstralja l-Arċisqof Adolfo Tito Yllana ħabbar il-ħatra l-ġdida ta’ Dun Charles bħala Isqof ta’ Darwin fin-Nord tal-Awstralja. Kulħadd feraħ, minbarra l-parruċċani tiegħu f’Adelaide li ddispjaċihom ħafna li kienu se jitilfuh.

Minnufih jien, li niġi minnu fil-qrib, għamilt il-ħsieb li nressaqlu xi mistoqsijiet li għall-ewwel deher li kien impossibbli jweġibhom minħabba impenji li f’daqqa waħda sab ruħu fihom, iżda ftit wara meta l-affarijiet bdew jikkalmaw Mons. Charles Gauci aċċettahom bil-qalb.

Mons. Gauci twieled il-Furjana fl-1952 u kien ordnat saċerdot fl-1977 u kkonsagrat Isqof fis-26 ta’ Settembru li għadda. Kellu sitt ħutu oħra kemm bniet kif ukoll subien għalkemm tlieta baqgħu ħajjin. Hu għadu jħossu Furjaniż u Ħamruniż fl-istess ħin filwaqt li tgħammed l-Imsida u għex ukoll Tal-Pietà.
Il-mamà tiegħu Violet bint Antonia Briffa xebba Maggi mill-Furjana li kienet toqgħod Raħal Ġdid miżżewġa lil Karmenu Briffa minn Ħal Luqa, emigrat kmieni lejn l-Awstralja. Bintha Violet imxiet wara l-passi tagħha u marret l-Awstralja meta Charles kien għad kellu 13-il sena, fil-birthday tiegħu eżatt!
John Gauci, draughtsman mill-Ħamrun, kien missier Charles li għad fadal ukoll xi familjari tiegħu fil-Ħamrun kien kburi li ibnu għażel it-triq tas-saċerdozju. Kemm il-mamà ta’ Charles u missieru llum ibierku lil binhom minn fuq.

X’ressqu lejn is-saċerdozju
Bdejt biex staqsejt lill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Charles Gauci, filwaqt li konna qed nieħdu kikkra kafè fid-dar ta’ waħda mill-familjari tiegħu fil-Furjana, x’kien li minn ċkunitu jew żgħożitu ressqu lejn is-saċerdozju. Hu weġibni li kien miġbud lejn is-saċerdozju sa minn tfulitu minħabba l-valuri li l-ġenituri tiegħu u qraba oħra rabbewh fihom. Wara li staqsa lilu nnifsu dwar kif iħares lejn il-fidi, ħass ġibda kbira f’qalbu biex jaqsam il-fidi tiegħu ma’ kulħadd.

Staqsejtu mbagħad f’liema parroċċi ħadem fl-Awstralja u hu qalli li dawn kienu dawk ta’ Hectonville, Woodvilea, Elizabeth, Noorlung, Willunga, Kangaroo Island, Victor Harbor Godiva u l-Katidral ta’ San Franġisk Saverju f’Adelaide.

Hu qalli li kellu rabtiet kbar kemm mal-familjari tal-Awstralja kif ukoll ta’ Malta u bnadi oħra. Kollha kienu rabtiet qawwija.

Mistoqsija kemxejn personali li għamiltu kienet kemm xtaq li missieru John u ommu Violet kienu għadhom magħna biex jifirħu miegħu u magħna għal din il-ħatra dinjituża, sabiħa u ta’ responsabbiltà. Stqarrli li hu baqa’ jħobb ħafna lill-ġenituri tiegħu u jemmen li minbarra li ħadu pjaċir b’din il-ħatra jħoss li kienu qribu f’din il-ġrajja.

Staqsejt lill-Isqof kif ħa l-aħbar meta sejħulu biex ikun ragħaj spiritwali tad-Djoċesi u kif laqgħuha l-aħbar il-parruċċani u l-aktar nies qrib tiegħu, il-familjari Awstraljani u Maltin. Bi tbissima qalli li kienet ta’ sorpriża għalih din l-aħbar tal-ħatra l-ġdida. Xi wħud mill-familjari u parruċċani tnikktu li hu kien sejjer daqstant bogħod, madwar tliet sigħat u 40 minuta bl-ajru. Sadattant xorta kienu qed jappoġġjawh.

Meta staqsejtu kif kien qed iħares lejn din il-ħatra prestiġjuża u fl-istess ħin ta’ responsabbiltà kbira weġibni li kien qed joqrob lejha bil-fidi u t-tama f’Alla. Ġaladarba li kien qed isejjaħlu, hu kien se jgħinu u hu kien jafda fih. “Minħabba l-għajnuna tiegħu ninsab mimli tama.”

Malti u Awstraljan
Għal mistoqsija xi tfisser Malta għalih l-Isqof Charles qalli li: Jien Malti u Awstraljan. Twelidt Malta u nħobb lil Malta. Inħossni tajjeb ħafna kull meta nagħmel żjara hawn, wara kollox l-ewwel snin ta’ formazzjoni tiegħi kienu hawn Malta.

Fakkartu li kemm-il darba li għamel żjarat f’Malta qeda s-servizzi saċerdotali tiegħu fil-parroċċa arċipretali tal-Furjana, għaldaqstant x’seta’ jgħidilna dwar din l-esperjenza? Hu kien jinsab konxju ta’ bosta ġenerazzjonijiet tal-familja tiegħu li kienu u għadhom jiffrekwentaw il-knisja tal-Furjana biex jaqdu d-dmirijiet reliġjużi tagħhom u għaldaqstant iħossu marbut magħhom. Kemm il-qassisin kif ukoll il-parruċċani Furjaniżi laqgħuh dejjem bil-qalb.

Mistoqsi dwar x’messaġġ xtaq iwassal lil dawk tad-djoċesi tiegħu li se jservi u liema djoċesi se tkun, Mons. Gauci qalli li kien se jservi fid-djoċesi ta’ Darwin li tiġi fiċ-Ċentru u n-naħa ta’ Fuq tal-Awstralja. Din kienet tikkonsisti minn 1.3 miljun mili kwadri u li fiha kienu jgħixu nies mid-dinja kollha. Sadattant il-messaġġ tiegħu kien li hu kien se jmur bħala ħuhom u biex jaqdi lil kulħadd.

Avventura mill-isbaħ
Stedint lill-Isqof jagħti messaġġ ieħor lil dawk iż-żgħażagħ u mhux li jħossu x-xewqa biex jaqdu lil Kristu u lill-proxxmu fil-Knisja Kattolika. Hu qalli li dan hu privileġġ. U kieku jkollu ċ-ċans, jerġa’ jagħmilha bil-qalb kollu. Ma kellu l-ebda dispjaċir li ta ħajtu għas-servizz ta’ Kristu fil-Knisja. Hi avventura kbira u mill-isbaħ!

Lejn l-aħħar tad-diskursata tagħna staqsejtu jekk kellux xi kuntatti mad-Djoċesi Maltija jew mal-Isqfijiet tagħha minn mindu ħarġet l-aħbar tal-ħatra tiegħu ta’ Isqof. Weġibni li laqgħuh ħafna u dħulin speċjalment f’din iż-żjara tiegħu f’Malta.

Fl-aħħar nett staqsejt lill-Isqof Mons. Charles Gauci jħossux aktar Malti jew Awstraljan. Hu qalli: I am Malti Australian, I belong to both, and love both.