Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, informa lid-deputati tal-Partit Tork fil-Gvern li l-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi, li seħħ fil-konsulat tal-Arabja Sawdija f’Istanbul, kien ippjanat sa jiem qabel seħħ ir-reat. Erdogan sostna, f’Ankara, li t-Turkija għandha l-provi qawwija li Khashoggi spiċċa maqtul waqt ‘attakk selvaġġ u premeditat’ f’dan il-konsulat li kien twettaq fit-2 ta’ Ottubru.
Fl-istess ħin, il-President Tork irid li s-suspettati dwar l-omiċidju jkunu proċessati f’Istanbul u li l-Arabja Sawdija tindika l-post fejn tpoġġew il-fdalijiet tal-ġurnalista waqt li tiżvela minn kien il-moħħ wara dan il-qtil.
L-Arabja Sawdija, fl-aħħar ġimgħat, ħarġet b’diversi rapporti konfliġġenti dwar id-destin tal-ġurnalista u kien biss jiem ilu li l-awtoritajiet Sawdi ammettew li Khashoggi miet f’ċirkustanzi, li skont huma, kienu ‘il hinn mill-kontroll tagħhom. Kien hemm ukoll żmien meta s-Sawdi pruvaw jispejegaw li l-qtil inkwistjoni ‘ma kienx intenzjonat’.
Intant, l-akkużi ta’ Erdogan ingħataw waqt il-bidu ta’ konferenza ewlenija dwar l-investiment fl-Arabja Sawdija u fost bojkott tal-avveniment minn għexieren ta’ mexxejja ta’ Gvernijiet u intrapriżi kbar minn madwar id-dinja.
Erdogan, waqt id-diskors, qal li tlett skwadri ta’ 15-il Sawdi kienu waslu f’Istanbul, permezz ta’ titjiriet separati, fil-ġranet qabel l-omiċidju tal-ġurnalista u li ‘fil-jum qabel il-qtil’, uħud fost dawn is-Sawdi kienu marru qalb il-foresta qrib il-konsulat, fejn il-pulizija Torka, jiem ilu, kienu għamlu żmien ifittxu għall-katavaru.
Il-President Tork spjega li l-iskwadra tas-Sawdi ‘neħħew il-hard drives mill-kameras tas-sorveljanza tal-konsulat’ qabel il-wasla ta’ Khashoggi, li kellu jmur hemmhekk biex jikseb dokumenti għaż-żwieġ tiegħu li suppost kellu jsir xi jiem wara. Skont Erdogan, ‘raġel li kien jixbaħ lil Khashoggi u li kien liebes, fost oħrajn, daqna falza, deher ħiereġ ( ma’ grupp) aktar tard mill-konsulat fil-jum tal-omiċidju’.
Fl-istess ħin, Erdogan ikkonferma li 18-il persuna spiċċaw arrestati fl-Arabja Sawdija dwar il-każ, iżda ma produċiex dettalji tal-provi li nġabru s’issa.
Ħafna mexxejja tad-dinja kkundannaw il-qtil ta’ Khashoggi – li kien kritiku prominenti tal-Gvern Sawdi – huma u jinsistu għal investigazzjoni sħiħa u bir-reqqa dwar id-delitt.
//= $special ?>

