Raġel ta’ 54 sena li kien ikkontamina l-ikel tat-trabi u l-adulti fil-Ġermanja spiċċa kkundannat għal tnax-il sena u nofs ħabs fuq attentati ta’ qtil u rikatt.
L-imputat ammetta li kien iqiegħed fliexken u reċipjenti tal-ikel ivvelenat fis-supermarkets u li kien jirrikatta lill-bejjiegħa tal-ikel ‘b’offerti biex jidentifika lill-ikel ta’ potenzjal qattiel’.
Il-vittmi tiegħu kienu l-bejjiegħa bl-ingrossa fil-belt ta’ Friedrichshafen, bil-każ allarmanti jseħħ is-sena l-oħra.
Il-prosekuturi waslu għall-konklużjoni li l-food jars inkwistjoni kienu jinkludu biżżejjed elementi tal-ethylene glycol – likwidu tossiku u mingħajr riħa – biex joqtlu tfajjel.
Is-sustanza bla kulur li ntużat biex tivvelena l-ikel hi wkoll ingredjent li jintuża għal sustanzi antifreeze. Din għandha togħma ħelwa ‘li hi magħrufa li tattira lit-tfal u lill-annimali’.
Fil-fatt, it-traċċi tal-velenu nstabu fi kwantitajiet kbar biżżejjed (f’numru ta’ prodotti tal-ikel) biex jiġġustifikaw il-kundanna tal-imputat fuq ħames atti ta’ attentat ta’ qtil.
Meta deher quddiem il-qorti fil-belt ta’ Ravensburg, l-imputat ammetta li kien bagħat emails ta’ theddid fost twissijiet li ‘l-ikel kellu jispiċċa vvelenat tul l-Ewropa’ f’każ li hu ma jitħallasx madwar 12-il miljun ewro.
Intant, l-avukat li kien qed jirrappreżentah ċaħad l-akkuża dwar attentat ta’ qtil.
L-imputat spjega wkoll li kellu ‘problemi ta’ personalità’ u li hu kien ikkonsma l-alkoħol u l-painkillers meta wettaq l-azzjonijiet li, is-sena l-oħra, wasslu għal alert sħiħ dwar l-ikel tul il-pajjiż. Iżda l-qorti ċaħdet id-difiża wara li psikjatra kkonkluda li r-raġel hu mentalment f’sikktu u jrid jinżamm responsabbli għar-reati.
Il-prosekutur ewlieni fil-każ qal ukoll li kien biss ‘b’element ta’ xorti u ħidma tajba mill-Pulizija’ li ma seħħet l-ebda diżgrazzja li setgħet tinvolvi lit-tfal.
//= $special ?>

