Edukazzjoni Lokali

Konferenza li tiftaħ orizzonti ġodda għaż-żgħażagħ

800 student ta’ bejn il-15 u s-17-il sena minn skejjel statali, tal-knisja u indipendenti llum kellhom opportrunità rari li jattendu konferenza mtella’ minn Ernst & Young dwar ix-xogħlijiet t’għada.

L-għan tal-konferenza hi li tagħti lil dawn iż-żgħażagħ iċ-ċans li jipparteċipaw f’workshops dwar il-Blockchain, l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Mobilità. Setturi li mistennija joħolqu x-xogħlijijet tal-futur – xogħlijiet li se jsibu ruħhom fihom għada pitgħada dawn iż-żgħażagħ.

L-idea għal din il-konferenza nibtet is-sena l-oħra meta l-istess Ernst & Young tellgħu il-konferenza annwali tagħhom għall-imprendituri u azjendi privati u għall-ewwel darba stiednu wkoll mitt student u studenta.

Il-parteċipazzjoni attiva u l-entużjażmu li wrew dakinhar dawn iż-żgħażagħ impressjona lill-organizzaturi tal-konferenza u kien għalhekk li ġie maħsub li din is-sena tittella konferenza oħra lejliet il-Malta Attractiveness Event li hi immirrata għall-imprendituri. Konferenza li għandha l-għan propju li tħeggeg lil dawn l-istudenti sabiex jibdew iħarsu akter lejn karrieri f’setturi differenti minn dawk tradizzjonali.

Ronald Attard, Country Managing Partner għal EY f’pajjiżna qal lil Net News li permezz tal-konferenza jispera li l-istudenti mhux biss jieħdu gost iżda wkoll li jieħdu dik ix-xi ħaġa magħhom li tista’ tissarraf f’karriera eċitanti ‘l quddiem.